Għalkemm wieħed mill-iżgħar lokalitajiet f’Malta, Ħal Safi jibqa’ rinomat għall-ispettaklu tan-nar fil-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl. Speċjalment in-nar tal-art, li hu popolari ferm mal-Maltin.
NET News mar isegwi t-tħejjijiet tal-logħob tan-nar tal-art, fejn hemmek iltqajna ma’ Leonard Agius, li hu membru tal-grupp Dilettanti tan-Nar San Pawl Safi u li fisser kif il-fatt li festa żgħira, ma jnaqqas xejn mill-importanza li t-tħejjijiet jibdew kmieni
“Wara l-festa trid tħalli ħmistax, tieħu ħmistax break u trid tibda terġa’ għax mill-bqija ma tlesti qatt. In-nies qegħdin ftit hawnekk, il-lokalità hija żgħira ħafna, allura jkollna naħdmu ħafna iżjed minn ħaddieħor, avolja festa żgħira,” spjegalna Leonard.
Ftit ‘il bogħod fil-kumpless tan-nar ta’ Ħal Safi, iltqajna ma’ Aaron Zammit, li fil-kamra tan-nar jieħu r-responsabbiltà tax-xogħol kollu li jsir. Bix-xogħol maħdum u lest warajh, Aaron li wkoll ilu xhur twal jipprepara bit-tama li x-xogħol kollu jħalli l-frotti mixtieq.
“Issa wieħed jara x-xogħol li għamilna f’sena sħiħa jekk hux se jissarraf f’diżappunt jew sodisfazzjoni… għax dan huwa xogħol li m’għandek xejn for granted fuqu. Imma dejjem tagħmel l-almu tiegħek biex l-affarijiet imorru aħjar,” temm jgħid.


