Il-grupp terroristiku ISIS ħareġ filmat ġdid ta’ propaganda fejn il-militanti Iżlamiċi li jieħdu sehem fih joħorġu theddida ċara ‘fil-konfront tal-infidili’ u li tisħaq li ‘l-ISIS se jirnexxilu jasal f’Ruma’, li hi s-sede tal-Vatikan.
Il-filmat joħroġ bit-theddida speċifika lill-Papa Franġisku, waqt li juri lill-ġellieda tal-ISIS iżebilħu statwi ta’ Kristu filwaqt li jqattgħu r-ritratti tal-Papa.
Ingħad li l-filmat kien prodott, fil-parti l-kbira, fil-Filippini, fejn l-ISIS qed jiġġieled kontra l-qawwiet tal-Gvern għall-kontroll tal-belt ta’ Marawi.
Il-video, fil-fatt, kien l-aħħar wieħed ‘li jiddettalja l-ħajja minn ġewwa l-Kalifat (tal-ISIS)’ u li jikkonċentra fuq il-konflitt bejn il-Kristjaneżmu u l-Islam.
In-narratur fil-filmat jitkellem b’aċċent Amerikan waqt li jfaħħar ‘lis-suldati tal-Profeta Mohammed li ġġieldu biex jaħtfu territorji lejn il-Lvant tal-Asja’. Dan waqt li l-filmat ikun qed juri membri tal-ISIS waqt li qed jeqirdu knisja – b’terrorista minnhom, imbagħad, iħares direttament lejn il-kamera u jindirizza lill-kuffar (kelma offensiva għal min mhux Musulman) li ‘huma (l-ISIS) se jkunu f’Ruma skont ir-rieda ta’ Allah’.
Il-filmat jibda billi juri rġiel u subien armati bl-azzarini u bandiera tal-ISIS f’Marawi u jintemm b’xeni tal-knisja (attakkata mill-ISIS) waqt li qed taqbad – bin-narratur jispjega ‘li r-reliġjon tas-salib għandha titfarrak minkejja l-isforzi kollha tal-Kristjani’.
L-ISIS, fl-istess ħin, jenfasizzaw li ‘il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-Musulmani ħadet is-saħħa mill-aggressività ta’ dawk responsabbli mill-kruċjati tal-passat kontra l-Musulmani’.
L-istess filmat jattakka wkoll lill-Istati Uniti, bin-narratur jisħaq li ‘l-Amerika ma tilliberax pajjiżi għaliex kapaċi biss biex teqridhom’.
L-ossessjoni tal-ISIS dwar Ruma għandha konnessjoni ma’ żmien it-twelid tal-Islam, meta suldati Għarab kienu ppruvaw jegħlbu lill-Imperu Biżantin (jew Ruman) fil-Levant u t-Turkija waqt gwerra twila u mdemmija.
Fis-sena 846, elementi Għarab kienu attakkaw l-inħawi lejn il-limiti ta’ Ruma u waqt li rnexxielhom jeqirdu xi kwartieri antiki f’dik iz-zona huma qatt ma rnexxielhom jaħtfu kontroll sħiħ fil-Belt Eterna.
//= $special ?>