Kultura Lokali

FILMAT: Torri tan-nar għall-ewwel darba f’Ħal Għargħur

F’għelieqi fil-konfini tal-lokalità ta’ Ħal Għargħur, ma taqta’ xejn il-ħidma mid-dilettanti tal-Għaqda tan-Nar San Bartilmew Għargħur, li għaddejjin bl-aħħar preparamenti għal speattaklu tan-nar nhar is-Sibt f’lejliet il-festa.

F’waħda mill-għelieqi ltqajna ma’ Roberto Gauci, li ta’ 29 sena huwa l-kordinatur tal-ispettaklu, li spjega li din is-sena fil-Għargħur se jiżżanżan torri tan-nar.

“Dan huwa t-torri tan-nar, li ħa jkun parti mill-ispettaklu ta’ lejliet il-festa bl-isem ‘Prelude of Fire’. Spettaklu ta’ 24 minuta, fejn ħa jkollna sitt diski, nar sinkronizzat mal-mużika, seba’ posti b’fjammi min-naħa ta’ fuq, nar mill-ajru u t-torri nnifsu… kollox magħqud għall-ispettaklu,” spjega’ Roberto ma’ NET News.

Bħal ħafna kmamar tan-nar oħra, ix-xogħol tan-nar jibda minn kmieni. Anke hawn.

“Preparamenti tista’ tgħid minn wara l-festa li għaddiet, bdejna mill-ewwel. Għamilna l-iscript tan-nar li ħa jkun mal-mużika, bdejna ngħaqqdu l-affarijiet u tista’ tgħid li sa Diċembru qisna ffinalizzajna x-xogħol li għandna bżonn għal mad-diski. Imbagħad komplejna bil-ħidma sakemm issa wasalna għall-final tagħha,” żied jgħid.

Min irid isegwi l-ispettaklu f’Ħal Għargħur mill-qrib, ikun jista’ jipparkja fi Triq San Ġwann.

Ritratt: Martin Agius