Futbol

Floriana jiddominaw u jiksbu l-ewwel rebħa

L-azzjoni li fiha Floriana ngħataw penalty wara li Ebiabowei Baker waqqa' lil Juninho Cabral fil-kaxxa (Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Keane Cutajar

FLORIANA……………5

TARXIEN R…………..0

Floriana: I. Akpan, J. Baldacchino, E. Pepe, E. Ruiz, S. Pisani, I. Varela (D. Grima 64’), M. Vella, J. Cabral, A. Cini (N Spiteri 78’), M. Fontanella, E. Marcellina (C. Borg 60’)

Tarxien: C. Cassar, A Scicluna, S. Cipriott, E. Calin, A. Agius, J. Brincat, L. Grech, E. Baker, R. Silva Faria, M. Desira Buttigieg (M. Degiorgio  64’), M. Brincat

Imwissija: E. Calin 62’ (T)

Tkeċċa: E. Baker 59’ (T)

Skorjaw: M. Fontanella 12’, I. Varela 42’ 53’, S. Pisani 60’(pen), M. Vella 63’ (F)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Roberto Vella, Jurgen Spiteri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Maurizio Vella (Floriana)

Is-sapporters Furjaniżi f’dellirju ta’ ferħ wara prestazzjoni mill-aqwa tal-iskwadra magħżula minn Tedesco. It-tim ta’ Giovanni Tedesco ħareġ fuq l-offensiva minn kmieni u kkontrollaw il-logħba, b’ Tarxien jiżbaljaw minn mument għall-ieħor fuq wara b’Floriana japprofittaw. Dan fisser li Tarxien issa sofrew disa’ gowls f’żewġ logħbiet.

L-ewwel azzjoni tal-partita sarrfet f’gowl għal Floriana fit-12-il minuta meta Mario FONTANELLA tefa’ ġewwa wara żball difensiv bejn il-gowlkiper u d-difensur ta’ Tarxien li ġabu waħdu f’lasta vojta minn passaġġ ta’ Vella. Floriana komplew jagħfsu u wasal it-tieni gowl tagħhom tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, meta Pisani tefa’ freekick fil-kaxxa li Tarxien setgħu faċilment ibiegħdu l-periklu, iżda dan ma sarx u l-ballun waqa’ għand Ignacio VARELA li waħdu quddiem l-lasta ma żbaljax u tefa’ fis-saqaf tax-xibka.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fit-53 minuta meta Alan Mario Sant ħalla l-logħob għaddej wara li sar fawl fuq Cabral barra l-kaxxa, b’Floriana japprofittaw minn dan il-vantaġġ b’xutt stupend fil-baxx ta’ Ignacio VARELA li tefa’ wara Cassar minn madwar il-limiti tal-kaxxa.

Mas-siegħa logħob, ħarba ta’ Cabral li kien dieħel waħdu fil-kaxxa twaqqa’ minn Baker fil-kaxxa, bid-difensur jirċievi t-tieni karta safra u ħalla lil Tarxien f’iktar problemi, Mill-ħdax-il metru, Steve PISANI għażel li jqabbeż u qarraq b’Cassar li ntefa’ fuq in-naħa l-oħra minuta.

Maurizio VELLA għamilhom ħamsa fit-63 minuta bi ġmiel ta’ free-kick fir-rokna tax-xibka, f’azzjoni li l-gowlkiper ta’ Tarxien seta’ għamel aħjar.