Futbol Sport

Hamilton fuq quddiem fit-tieni sessjoni ta’ provi liberi

Lewis Hamilton itemm fuq quddiem fit-tieni sessjoni

Lewis Hamilton irnexxielu jtemm it-tieni sessjoni ta’ provi liberi għal Grand Prix tal-Belġju fuq quddiem, hekk kif il-Formula 1 tirritorna fl-azzjoni fi tmiem il-ġimgħa. Il-Britanniku temm it-tieni wara Raikkonen fl-ewwel sessjoni u wara nofsinhar spiċċa 0.2 ta’ sekonda qabel il-Finlandiż tal-Ferrari meta t-tnejn kienu fuq it-tyres ultrasoft. Sebastian Vettel spiċċa l-ħames kważi nofs sekonda wara Hamilton.

Fit-tieni sessjoni, ix-xita ħalliet l-impatt tagħha lejn it-tmiem tas-sessjoni, u t-tbassir tat-temp qed jindika li jista’ jkun hemm aktar xita, saħansitra fit-tiġrija nnifisha. Max Verstappen kien l-aktar sewwieq veloċi tar-Red Bull u spiċċa r-raba’ wara Valtteri Bottas li naqas li jagħmel l-istess ħinijiet ta’ sieħbu. Is-sewwieq l-ieħor tar-Red Bull Daniel Ricciardo spiċċa fis-sitt post minkejja li kien l-aktar veloċi fl-ewwel u fit-tielet sessjoni.

Renault kellhom sessjonijiet pożittivi b’Nico Hulkenberg u Jolyon Palmer it-tnejn mal-ewwel għaxra, filwaqt li Fernando Alonso spiċċa fil-11-il post għal McLaren fit-tieni sessjoni. Iżda Felipe Massa naqas li jagħmel ħin fit-tieni sessjoni wara li ħabat filgħodu u għalhekk ma kienx possibbli li jirritorna fl-azzjoni qabel illum.