Lokali

Il-proposta li l-ewwel jum tas-sick leave ikun ‘unpaid’ hija “inaċċettabbli” – l-MUT

Il-Union tal-Għalliema Maltin, l-MUT, fi stqarrija ddeskriviet bħala “inaċċettabbli” l-proposta li saret mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) biex l-ewwel jum tas-sick leave ikun ‘unpaid’.

Il-proposta tal-MEA kienet waħda minn sett ta’ proposti għall-budget, fejn ġie ssuġġerit li ma jingħatax ħlas għall-ewwel jum tas-sick leave biex jinqata’ l-abbuż minn min jabbuża mill-leave tal-mard wara kull tmiem il-ġimgħa.

Imma l-MUT ħarġet kontra din il-proposta, u qalet li huwa inaċċettabbli li llum il-ġurnata qed niddiskutu dawn it-tip ta’ proposti; proposti li skont l-MUT huma rigressivi u li jreġġgħu l-arloġġ lura.

“Minflok proposti rigressivi, l-MUT tippreferi miżuri li jaraw investiment fl-impjegati u fit-titjib tal-postijiet tax-xogħol tagħhom,” qalet l-MUT fl-istqarrija, waqt li rreferiet għal numru ta’ problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema, bħan-nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u dik li tissejjaħ ‘burnout’.

L-MUT qalet li qed taħdem mal-Ministeru tal-Edukazzjoni flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex l-edukaturi jingħataw it-trattament għal numru ta’ kundizzjonijiet kroniċi b’xejn. Qalet li dan għandu jkun il-mod kif jonqos is-sick leave.

Il-Union tal-Għalliema temmet tgħid li l-impjegati m’għandhomx ikunu trattati bħala piż finanzjarju biss, jew b’suspett kull darba li sfortunatament jimirdu.

L-MUT hija t-tieni union wara l-General Workers’ Union li ħarġet kontra l-proposta tal-MEA.