Lokali Qorti

“Impossibbli naħdem fuq id-difiża tiegħi mill-Ħabs” – Patrick Spiteri

L-eks Avukat Patrick Spiteri qed jitlob mill-ġdid għall-ħelsien mill-arrest, din id-darba minħabba l-fatt li qed isibha impossibbli li jħejji d-difiża tiegħu mill-Ħabs.

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, Spiteri xehed li għandu mal-400 kaxxa dokumenti li huma sparpaljati bejn il-bini tal-Qorti u propjeta’ tiegħu – issa maqbuda mill-bank HSBC – fi Gwardamangia.

Patrick Spiteri kien arrestat fir-Renju Unit f’Mejju li għadda fuq talba tal-awtoritajiet Maltin permezz tal-proċedura tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew biex jiffaċċja diversi każi ta’ frodi u miżapropprjazzjoni li l-valur komplessiv tagħhom jaqbeż €7.4 miljun.

Hu jinsab taħt arrest preventiv fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u l-Maġistrat Demicoli bħalissa qed tisma’ sottomissjonijiet sabiex il-Qorti tiddeċiedi fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Hu xehed li hemm mat-98 kaxxa fil-Qorti li jinkludu dokumenti mill-uffiċċju tiegħu meta kien jipprattika bħala avukat u ingħata aċċess għad-dokumenti permezz ta’ digriet maħruġ mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera iżda mhux li jeħodhom fil-Ħabs.

Minbarra dawk il-kaxxi, hemm mat-300 kaxxa oħra li jinsabu fi propjeta’ li kienet tiegħu fi Gwardamangia. Patrick Spiteri spjega li sakemm marad fl-2013, dawn id-dokumenti kienu maħżuna b’mod organizzat u dettaljat, iżda wara li l-bank HSBC ħa l-pussess ta’ din il-propjeta’ fl-2015, dawn id-dokumenti ġew imferrxa u mħawwda.

Patrick Spiteri kompla li mill-11 ta’ Awwissu sa issa, hu għamel ħames żjarat fil-Qorti ta’ madwar sagħtejn u tliet siegħat u eżamina mat-28 kaxxa. Qal li diġa’ hemm mas-7,000 paġna ta’ dokumenti li għandu bżonn jużahom fid-difiża tiegħu u huwa impossibbli li jaħdem fuq id-difiża tiegħu u jagħti struzzjonijiet lill-avukat tiegħu b’rabta mad-dokumenti miċ-ċella tiegħu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Patrick Spiteri qal li sa issa, kiteb mas-17-il paġna ta’ noti bl-idejn għaliex m’għandux aċċess għal kompjuter.

Dwar id-dokumenti fi Gwardamangia, Spiteri qal li l-propjeta’ tinsab biss żewġ bibien ‘il bogħod mid-dar tal-ġenituri tiegħu. “Kieku ningħata l-ħelsien mill-arrest, inkun nista’ naħdem minn hemm u nħejji għad-difiża tiegħi,” sostna l-akkużat.

Hu tkellem ukoll dwar il-problemi ta’ saħħa li għandu, fejn irid jieħu mediċini 4 darbiet kuljum fil-ħin preċiż. Jekk dan ma jsirx, hu jkollu jaqbeż iċ-ċiklu ta’ trattament b’konsegwenzi fuq is-saħħa tiegħu. Dan kollu qed jagħmilha diffiċli biex iħejji d-difiża tiegħu għaliex sagħtejn wara li jkun mar il-Qorti biex jikkonsulta mad-dokumenti, ikollu imur lura fil-Ħabs sabiex jieħu l-mediċina.

Hu lmenta wkoll dwar il-kundizzjonijiet fil-Ħabs fejn ma jistax jaħdem minħabba s-sħana tremenda, storbju b’mużika qawwija, trab u dħaħen tat-tipjip fid-diviżjoni tiegħu li qed ixxejjnu għal kollox it-trattament li qed jieħu.

Patrick Spiteri qal li l-kundizzjonijiet fil-Ħabs qed jikkawżalu diversi kundizzjonijiet mediċi fosthom tbenġil fil-ġilda, uġiegħ ta’ ras, dardir, diarrhoea u viżjoni mċajpra.

L-Avukat Stefano Filletti, għad-difiża, sostna li ġimgħa ċans biex isib post għall-kiri fejn iżomm id-dokumenti mhux possibbli.

“L-unika soluzzjoni li qed jagħtina s-Sur Spiteri hi li jingħata l-ħelsien mill-arrest”, irrimarka l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, “allura kulmin hu taħt arrest preventiv ma jistax iħejji d-difiża tiegħu.” Bl-Avukat Stefano Filletti jwieġeb li dan mhux każ bħall-oħrajn.

Il-każ ikompli hekk kif il-Qorti għad trid tisma’ x-xhieda tal-konsulent mediku qabel tiddeċiedi fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher għal Patrick Spiteri.