Internazzjonali

L-Istati Uniti: Telqet mix-xogħol wara li rebħet mijiet ta’ miljuni

Mara li rebħet l-akbar jackpot (f’lotterija) fl-istorja tal-Istati Uniti ġabret il-premju tagħha u, fl-ewwel kummenti lill-ġurnalisti, qalet li hi ċemplet liċ-ċentru mediku li kienet impjegata miegħu biex tgħid lis-superjuri li ‘hi mhix ġejja lura’.

Mavis Wanczyk, li għandha 53 sena, rebħet $758.7 miljun wara li xtrat il-biljett tagħha minn stazzjon tal-petrol f’Chicopee, f’Massachusetts.

In-numri rebbieħa kienu 6, 7, 16, 23, 26 u 4 u waqt li l-premju jibqa’ wieħed storiku, l-akbar hekk imsejjaħ windfall minn lotterija kien intrebaħ f’Jannar tal-2016, meta tliet ġugaturi qasmu l-premju ta’ $1.6 biljuni fil-Powerball Jackpot.

Issa, ladarba l-awtoritajiet tal-lottu fl-Istat ta’ Massachusetts ikkonvalidaw il-biljett rebbieħ ta’ Wanczyk, hi qalet li ‘irnexxielha tattwa l-ħolma ta’ ħajjitha u, issa, l-unika ħaġa li trid tagħmel hu li tistrieħ u taħseb x’se tagħmel ’il quddiem’.

Il-mara kienet ilha impjegata maċ-ċentru mediku għal 32 sena u malajr għamlitha ċara li ‘mhix se toqgħod tintilef fil-lussu żejjed’.

Intant, il-lotterija f’Massachusetts għandha wkoll sistema fejn in-negozju  (f’dan il-każ is-sid tal-istazzjon tal-petrol) li jbigħ il-biljett rebbieħ jingħata premju ta’ $50,000. Intant, sid l-istabbiliment inkwistjoni qal li dan il-premju partikulari se jingħata lill-karità.