Elezzjoni Kap PN Lokali

“Lest biex inservikom” – Chris Said

L-esperjenza, l-intergità, il-bżulija u l-istabbiltà fit-tmexxija kienu s-suġġetti li tkellem dwarhom il-kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista u shadow minister Chris Said waqt dibattitu fuq NET television il-bieraħ filgħaxija.

Tletin sena ta’ esperjenza, minn membru f’fergħa għal Sindku, minn deputat għal Segretarju Parlamentari, minn Ministru għal Segretarju Ġenerali għal shadow minister u issa kandidat għal kap tal-PN.

“Esperjenza li flimkien mal-integrità li dejjem imxejt biha fil-politika tagħtini vantaġġ biex nagħti tmexxija stabbli lill-Partit Nazzjonalista f’mument fejn l-inqas ħaġa li għandhu bżonn il-PN hi l-konfużjoni u li joqgħod jiddefendi minflok jattakka l-gvern ta’ Muscat fuq in-nuqqasijiet tagħhom. Miegħi Joseph Muscat u Chris Cardona mhux se jsibu refuġju” saħaq Chris Said.

Mistoqsi dwar ir-responsabbiltà fil-politika, Chris Said spjega kif meta kien Ministru kien se jitressaq każ il-Qorti kontra tiegħu dwar meta kien għadu jipprattika ta’ avukat.

“Dakinhar erfajt mill-ewwel ir-responsabbiltà u rriżenjajt, anke jekk il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien insista li nibqa’ għax ma kont għamilt xejn ħażin. Jien ma ridtx li l-allegazzjonijiet kontra tiegħi jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista għax ħadd mhu ikbar mill-partit” qal Chris Said

Chris Said saħaq li l-kredibbiltà darba titlifha u ssir ħsara kbira lill-partit u lill-pajjiż

Chris Said appella għall-għaqda u qal li fis-17 ta’ Settembru jrid ikun hemm partit magħqud biex flimkien nissaħħu u nirbħu.