Internazzjonali

Taħrab l-eks Prim Ministru tat-Tajlandja, Yingluck Shinawatra

 

L-eks Prim Ministru tat-Tajlandja, Yingluck Shinawatra, ħarbet minn pajjiżha, meta għad hemm stennija għal verdett tal-qorti dwar skema għas-sussidju tar-ross li hi implikata fiha.

Sorsi fil-partit tagħha qalu li Yingluck iddeċidiet li titlaq mit-Tajlandja ‘kontra kull mistenni’ u qabel hi kellha tidher quddiem il-Qorti Suprema f’Bangkok, biex twieġeb għal akkużi dwar negliġenza.

L-avukati tagħha, intant, infurmaw lill-qorti li Yingluck ma setgħetx tattendi għall-proċess minħabba li kienet marida. Iżda meta hi naqset milli tidher, il-qorti ħarġitilha mandat ta’ arrest waqt li kkonfiskatilha l-flus li hi ħalliet bħala pledge.

L-imħallfin tal-Qorti Suprema f’Bangkok anki posponew il-verdett fil-proċess ta’ Yingluck Shinawatra għas-27 ta’ Settembru.

Yingluck qed tiċħad li għamlet xi ħaġa ħażina fi skema li swiet lit-Tajlandja biljuni ta’ dollari. Jekk hi tinsab ħatja tista’ teħel sa għaxar snin ħabs waqt li tkun eskluża mill-politika għal ħajjitha.

Is-sorsi fil-Partit Puea Thai ta’ Yingluck, intant, qed jgħidu li ‘hi definittivament telqet mit-Tajlandja’ iżda ma dettaljawx il-lokalità preżenti tagħha.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Tajlandiż, Prayuth Chan-ocha, qal li r-rotot kollha ‘il barra mit-Tajlandja qed ikunu sorveljati bir-reqqa.