Elezzjoni Kap PN

Adrian Delia juri lill-ġurnalisti kif dejjem mexa b’integrita

Adrian Delia sejjaħ għall-konferenza tal-aħbarijiet fil-Każin tal-PN Birkirkara

F’konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN, hu sostna li Daphne Caruana Galizia taf li dak li qed tallega fil-konfront tiegħu m’hu xejn għajr servizz legali li hu kien qed jagħti lill-klijent li kellu iżjed minn għoxrin sena ilu.

Hu qal li Daphne Caruana Galizia taf li kull avukat marbut b’kunfidenzjalità professjonali u allura hi taf sew li jien ma nistax nippublika dokumenti li juru biċ-ċar li jien m’għamilt xejn illeċitu, lanqas biex niddefendi ruħi.

“Minkejja dan, nista’ ngħid li jien ma bbenefikajtx minn xi kirjiet ta’ proprjetajiet fl-Ingilterra, kif qed tallega Caruana Galizia. Jien kont biss qed nagħti s-servizzi legali li kull avukat kien jagħti skont il-liġijiet ta’ dak iż-żmien u li għadu jingħata llum.

Nista’ ngħid li f’dan il-każ ittieħdu passi legali kontra il-persuni li kienu qed jikru l-proprjetà.

Nista ngħid li dawn il-persuni kienu qed jiksru klawżola fil-kuntratt tal-kiri li tispeċifika li l-bini ma jistax jintuża għal raġunijiet illeċiti.

Nista ngħid ukoll li kont jien, bħala l-avukat tal-klijenti tiegħi, li appuntajt avukati fl-Ingilterra biex isegwu l-proċess legali u jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jissalvagwardjaw l-interessi tal-klijent u l-osservanza tal-liġi.

Niddikjara li jien qatt ma ħsilt flus kif qed tallega Daphne Caruana Galizia għaliex jien kont qed nagħti biss servizzi legali kif jagħmlu l-avukati kollha, u biex inkompli nuri t-trasparenza li biha dejjem ħdimt, nista’ ngħid li l-flus biex tinxtara l-propjeta tal-klijenti tiegħi ħarġu mill-Bank of Valletta.

Nista’ ngħid ukoll li tant saru sew l-affarijiet sa mill-ewwel min-naħa tiegħi bħala avukat, li l-klijent tiegħi f’dan il-każ ħa wkoll polza tal-assigurazzjoni fuq il-bini u dik fiha nnifisha turi kemm il-bini qatt ma kien intenzjonat għal attività illeċita, għaliex il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jagħmlu due diligence qabel u waqt li jassiguraw.

Dan kollu jwassalni għal konklużjoni. Jidher ċar li xi ħadd qed juża lil Daphne Caruana Galizia biex jaqtali ċ-ċans li nsir kap tal-PN. Dan ġara wara li bdiet tinħass il-mewġa favur bniedem minn barra li kapaċi jmexxi b’Mod Ġdid. Iżda din ma kinitx l-unika ħaġa li ġiet ivvintata fuqi f’dawn l-aħħar tmien ġimgħat. Din kienet l-iżjed kampanja elettorali agressiva u vindikattiva li jien qatt rajt.

F’dawn l-aħħar ġimgħat Daphne Caruana Galizia qalet dawn il-qlajjiet dwari:

  • Mhux veru ltqajt u kilt mal-avukat Edward Zammit Lewis, Deputat Laburista, b’martu u marti ftit jiem qabel li tfajt in-nomina tiegħi.
  • Mhux veru li kont jew qatt innegozjajt fid-droga f’xi sqaq kif kitbet Daphne Caruana Galizia u dan kellha l-provi tiegħu minn rapport tal-pulizija wara telefonata anonima, liema rapport jispjega ċar li qatt ma nstab xejn.
  • Kienet taf ukoll li jien ikkoperajt mal-pulizija iżda xorta gidbet fuqi.
  • Mhux veru li jien jew il-kumpanija fejn għandi biss 9% sehem qed inħallsu €1800 imgħax.
  • Mhux veru li jien kont l-Università fil-kors mal-Ministru Chris Cardona.
  • Mhux veru li jiena kont fil-klassi ta’ Chris Cardona fil-kulleġġ San Alwiġi. Kieku Caruana Galizia ivverifikat kienet issib dettal bażiku li hemm tliet snin bejnietna.
  • Mhux veru li s-sur Marco Barbara huwa close-associate tiegħi. Qatt ma kelli negozju miegħu, qatt ma kien fil-kumitat miegħi.
  • Mhux veru li ltqajt ma’ ċertu Big Frank (Mifsud) fis-snin 70′. U mhux veru li kelli laqgħa miegħu meta kien f’Malta.

Adrian Delia ikkonkluda li l-mewġa favur Mod Ġdid fil-Partit Nazzjonalista mhux se titfarrak b’dawn l-akkużi infondati u manipulazzjoni tal-verita. “U huwa għal din ir-raġuni li jien se nkompli niġġieled biex innaddaf il-Partit Nazzjonalista minn dawn it-tattiċi li ħakmuħ,” temm jgħid Adrian Delia.