Erba’ żgħażagħ li l-eta tagħhom tvarja minn 17 għal 21 sena sofrew ġrieħi wara inċident tat-traffiku li seħħ kmieni s-Sibt filgħodu fi Triq ix-Xatt fil-Gżira.
Mill-ewwel stħarriġ tal-Puliizja jirriżulta li tfajla ta’ 20 sena residenti Birkirkara għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vettura tagħha, tat-tip Opel Astra, u baqgħet dieħla f’karozza oħra pparkjata u traffic lights.
Flimkien mat-tfajla fil-karozzza kien hemm ġuvni ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żabbar, ġuvni ta’ 20 sena residenti Raħal Ġdid u tfajla ta’ 17-il sena residenti Pembroke.
Fuq il-post waslu membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li ħa lill-vittmi l-Isptar. Aktar tard iż-żewġ ġuvintur u t-tfajla li kienet qed issuq il-karozza ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tfajla ta’ 17-il sena sofriet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.



