Elezzjoni Kap PN

Esperjenza, Integrità, Bżulija – Chris Said

L-appoġġ tagħkom, u l-interess li qed tieħdu fl-għażla ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, jimlieni bil-kuraġġ li ġej żmien sabiħ għall-partit tagħna fejn bi stabbiltà, integrità u esperjenza nġeddu l-partit u nerġgħu nagħmluh rebbieħ. Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister Chris Said meta l-Ħamis filgħaxija indirizza kunsilliera, tesserati u attivisti fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tas-Swieqi.

Dan hu żmien ta’ sfidi kbar għall-Partit Nazzjonalista, iżda jekk nagħżlu b’għaqal l-ebda sfida mhix impossibbli. Tletin sena ta’ esperjenza fil-partit u fil-politika, minn membru ta’ fergħa għal sindku, minn deputat għal Segretarju Parlamentari, minn Ministru għal Segretarju Ġenerali għal Shadow Minister u issa kandidat għal kap tal-partit, għallmuni li magħqudin – bis-sehem ta’ min ilhu jimmilita fil-partit u ta’ dawk li ssieħbu riċentament, b’ideat ġodda u friski, b’determinazzjoni u għaqal, il-Partit Nazzjonalista jiġġedded u jerġa’ jsir partit b’saħħtu u rebbieħ, qal Chris Said.

L-avversarju tagħna hu l-Gvern ta’ Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri li bija bħala kap tal-partit mhux se jsibu refuġju.

Flimkien magħkom, nies ġenwini, integri u li tħobbu l-partit, jien se nkompli l-ġlieda ta’ Simon Busuttil kontra l-korruzzjoni. Biex dan iseħħ, aħna rridu nibqu fuq in-naħa tas-sewwa b’hekk il-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni ssir b’aktar saħħa u kredibbiltà. Dan filwaqt li naħdmu fuq it-tfassil ta’ politika, għax ikun żball jekk naħsbu li l-gvern ta’ Muscat nistgħu nerbħulu biss billi niġġielduh fuq il-korruzzjoni.

Min-naħa tiegħi, frott l-esperjenza ta’ tletin sena fil-politika, frott l-integrità li dejjem ħaddant, u frott l-enerġija u l-bżulija tiegħi, nserrħilkom raskom li miegħi tafu fejn qegħdin, m’hemmx sorpriżi koroh, ktieb miftuħ li kapaċi nagħti tmexxija stabbli lill-Partit Nazzjonalista, sostna Chris Said.

Fuq livell ta’ pajjiż, gvern ġdid nazzjonalista mmexxi minnhi jerġa’ jdaħħal it-termini omm u missier fil-liġi taż-żwieġ, filwaqt li ma nneħħi xejn mid-drittijiet li ngħataw persuni LGBTIQ, naħdmu biex noħolqu oqsma ġodda tal-ekonomija b’pagi aħjar għall-ħaddiema tagħna, nerġgħu nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista l-partit tal-edukazzjoni, ninvestu f’qasam tas-saħħa tajjeb u mingħajr ħlas, ngħinu lill-anzjani u l-pensjonanti tagħna fosthom b’għajnuna finanzjarja lin-nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet u ninvestu f’Korp tal-Pulizija serju li jiġġieled kriminali barranin li qed jitħallew jagħmlu ħerba.

Intant fis-Swieqi, tkellem is-Sindku Noel Muscat li ddeskriva lil Chris Said bħala politiku bieżel u li jwettaq. Min-naħa tiegħu Chris Said esprima l-apprezzament tiegħu lil kull min qed jagħtih il-fiduċja tiegħu filwaqt li saħaq li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se jaħdem ma’ kull min hu ġenwin.