Futbol Sport

Gżira jippnotizzaw lil Birkirkara

George Cassar

GŻIRA U……………2
BIRKIRKARA…..0

Gżira U.: A. Curmi, G. Muir, K. Pulo, C. Gatt Baldacchino, S.Kamana, Moises, R. Briffa, A. Cohen (Z. Scerri 47’), A. Samb (S. Ogundare 88’), S. Tounkara (N. Muscat 77’), N. Okoye
Birkirkara: P. Schranz, K. Zammit, Lucas, R. Camilo, M. Klein, L. Cremona (J. Grech 72’), M. Guillaumier (W. Acevedo 62’), C. Alberto (L. Montebello 62’), R. Camenzuli, B. Andrade, E. N’For
Imwissija: K. Zammit 35’ (B), Lucas 37’ (B), Moises 50’ (G), Z. Scerri 86’ (G)
Skurjaw: S. Tounkara 68’, A. Samb 81’ (G)
Referì: T. Farrugia Cann
Referis Assistenti: M. Borg, D. Petrovic
Il-Mument Plejer tal-logħba: R. Briffa (G)

Gżira United għamlu stqarrija li dan l-istaġun jistgħu jisfidaw lil kull tim meta lbieraħ iddominaw lil Birkirkara u rebħulhom b’żewġ gowls fit-tieni taqsima.

Din kienet it-tieni rebħa minn daqstant partiti għat-tim immexxi minn Darren Abdilla, li nessew lill-Karkariżi il-gost tal-festa ta’ Santa Liena ta’ ġimgħa ilu u ħallewhom għatxana għall-ewwel rebħa.
Roderick Briffa, li din il-ġimgħa għalaq 36 sena, kien surmast f’dan it-tim li flimkien ma’Andrew Cohen issa għandu żewġ veterani b’esperjenza vasta li għamluh tim ferm iktar b’saħħtu. Briffa ħalla impatt immedjat mal-Gżirjani hekk kif fi kważi partita u nofs diġà pprovda tliet gowls.
Birkirkara, taħt il-gwida ta’ Peter Pullicino, inbidlu wisq mill-aħħar staġun u mill-ħdax li bdew il-partita tal-bieraħ, l-unika plejer li kien fl-iskwadra tas-sena l-oħra kien Matthew Guillaumier li ġie maqlugħ ukoll wara siegħa. Kien hemm id-debutti bla effett tal-Brażiljan Carlos Alberto u l-Kamerunjan Ernest N’For, filwaqt li l-akkwisti Jake Grech, Luke Montebello u Alex Nilsson li bdew fl-aħħar logħba kontra Floriana, kollha bdew mas-sostituti.

Għal Gżira kien hemm id-debutt pożittiv tad-difensur Franċiż Sem Kamana, filwaqt li iktar tard idebuttaw ukoll in-Niġerjan Samuel Ogundare u ż-żagħżugħ Nikolai Muscat.

L-ewwel taqsima m’offrietx wisq azzjonijiet iżda ma kienx hemm dubju dwar min kien l-aħjar tim fil-grawnd bi Gżira jiddettaw il-logħba kważi l-ħin kollu.

L-affarijiet ma nbidlux wisq fit-tieni taqsima u fit-68 minuta huma marru meritatament fil-vantaġġ.
Samba TOUNKARA nifed id-difiża Karkariża min-naħa tax-xellug billi bidel il-ballun ma’ Briffa, li min-naħa tiegħu rritornalu l-pass b’daqqa ta’ ras preċiża, li ġabitu f’pożizzjoni ideali biex jegħleb lill-gowlkiper Schranz li nqabad mingħajr għajnuna.

Għaxar minuti mit-tmiem Gżira għalqu l-logħba bit-tieni gowl meta Nikolai Muscat, li kien ilu biss erba’ minuti fil-grawnd, ta kross perfett mil-lemin fuq ras Amadou SAMB li skorja t-tielet gowl f’żewġ logħbiet.
Il-Karkariżi ma rreaġixxewx, anzi tmewtu iktar minn qabel. Malli ssaffar tmiem il-partita, in-naħa tagħhom kienet diġà żvujtat, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra l-partitarji Gżirjani kienu kollha bilwieqfa jagħtu l-applaws meritat lill-plejers tagħhom.