Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tispara missili għal ġol-baħar

Il-Korea ta’ Fuq komunista , f’dan il-lejl, sparat tliet missili ballistiċi għal fuq distanzi qosra bħala prova. Il-missili kienu sparati minn sit fil-provinċja ta’ Gangwon ( fil-Korea ta’ Fuq) u fejn taru għal distanza ta’ 250 kilometru, bi tnejn minnhom jinżlu fil-baħar.

Il-provi komplew iżidu t-tħassib fl-Asja u ‘il hinn minnha meta r-reġim komunista fi Pyongyang, fl-aħħar ġimgħat, hedded biex jimmira l-missili lejn it-territorju Amerikan ta’ Guam, fil-Paċifiku. L-aħħar sparatura, intant, saret wara li l-Korea ta’ Fuq, ix-xahar li għadda, ippruvat arma ballistika interkontinentali.

Madankollu, kelliema għall-militar tal-Istati Uniti qalu li l-aħħar prova f’Gangwon mhix meqjusa bħala theddida għall-Amerikani, inkella l-gżira ta’ Guam.

Il-militar tal-Istati Uniti, fl-aħħar rapporti, qal li waħda mit-tliet missili sparati splodiet fl-ajru waqt li t-tnejn l-oħra komplew itiru ‘fid-direzzjoni tal-Grigal’. L-isparaturi minn Gangwon, intant, seħħew f’perjodu ta’ 30 minuta.

Il-provi missilistiċi mill-Korea komunista kemm il-darba jsiru bi tweġiba għall-eżerċizzji militari konġunti organizzati mill-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel. Fil-preżent, eluf ta’ truppi Amerikani u tal-Korea t’Isfel qed jieħdu sehem f’sensiela ġdida ta’ eżerċizzji militari li ilhom iqanqlu l-għadab ta’ Pyongyang.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel sostna li l-militar tiegħu qed jissorvelja s-sitwazzjoni mal-Korea ta’ Fuq bir-reqqa ‘biex ikun jista’ jirreaġġixxi għal aktar provokazzjonijiet.’