Lokali

Laqgħa urġenti tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN nhar it-Tnejn li ġej

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Aktar kmieni llum il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista rċieva talba biex l-Kunsill Amministrattiv jikkunsidra l-kontroversja li nqalgħet dwar Dr Adrian Delia, wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u jieħu l-passi li jidhirlu xierqa u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.

Din it-talba saret mill-Kunsillier Charlot Cassar u fiha spjega li huwa jħoss li t-tesserati u l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għandhom id-dritt li jkunu jafu l-fatti dwar l-erba’ kandidati qabel jagħmlu l-għażla tagħhom dwar min minnhom għandu jmexxi l-Partit fis-snin li ġejjin. Is-Sur Cassar spjega wkoll li huwa jemmen li kull kandidat li dwaru ssir kwalunkwe allegazzjoni għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kif ukoll l-obbligu li jagħti rendikont ta’ għemilu lil min qed jitolbu jagħtih il-fiduċja biex ikun fl-ogħla kariga fil-Partit.

Għalhekk se ssir laqgħa urġenti tal-Kunsill Amministrattiv nhar it-Tnejn li ġej filgħaxija biex jiġi diskuss u deċiż x’passi għandhom jittieħdu skont dak li jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.