Il-Pulizija fir-Renju Unit ikkonfermaw l-arrest, f’Londra, ta’ raġel ‘li kien qed ixejjer xabla’ barra Buckingham Palace fost għajjat kontinwi ta’ ‘Allahuakbar’.
L-ogħla awtoritajiet ta’ Scotland Yard għal kontra t-terroriżmu qalu li l-aggressur – residenti ta’ Luton – fil-lejl li għadda, kien saq il-vettura tiegħu għal viċin karozza tal-pulizija f’zona ristretta, fejn waqaf u spiċċa konfrontat minn tliet uffiċjali tal-liġi.
Ir-raġel inkwistjoni, li għandu 26 sena, irnexxielu jferi ħafif lit-tliet pulizija waqt li pprova jirreżisti l-arrest u, issa, qed jinżamm fuq suspett ta’ aggressjoni u taħt it-termini tal-Att kontra t-Terroriżmu.
L-inċident seħħ barra r-roundabout tal-Mall, qrib Spur Road, viċin l-artijiet tal-Palazz. Ingħad li meta l-aggressur waqaf bil-karozza, il-pulizija indunaw bix-xabla li kellu fuq in-naħa tal-passiġġier u mal-ewwel bdew jippruvaw joħorġuh mill-vettura. Ir-rapporti komplew li r-raġel, imbagħad, ħataf ix-xabla u beda jxejjirha waqt li persista bir-reżistenza.
Maż-żmien bdew jaslu aktar pulizija fl-inħawi u sakemm il-qawwiet tal-liġi użaw is-CS gas biex irażżnu lir-raġel, bis-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll.
Mifhum li ma kien hemm l-ebda membri tal-Familja Rjali Britannika fil-Palazz fil-ħin tal-inċident.
Sadanittant, kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham ikkonfermaw, illum, li t-tours tal-palazz kienu għaddejjin bħas-soltu u li kollox kien normali fil-kapitali.
//= $special ?>

