Matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, mijiet ta’ djar fiż-żona ta’ San Ġiljan spiċċaw bla dawl – dan hekk kif fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tad-dawl ħa n-nar.
Skont stqarrija maħruġa mill-Enemalta, il-ħaddiema ħadmu tul il-lejl sabiex isewwu l-ħsara kbira li saret fejn minħabba n-nirien ikkawżaw il-qtugħ tad-dawl f’San Ġiljan u l-lokalitajiet tal-madwar. L-inċident seħħ għal ħabta ta’ nofsiegħa ta’ filgħodu fejn inqatat il-konnesjoni bejn iċ-ċentru tad-distribuzzjoni u l-grid nazzjonali – fejn konsegwentament inqata’ d-dawl f’San Ġiljan, Pembroke, Magħtab, Baħar iċ-Ċagħaq, Swieqi u San Ġwann.
Hekk kif seħħ l-inċident, mal-ewwel fuq il-post, fil-mini taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni f’St Andrews waslu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili fejn wara ħidma intensiva kkontrollaw in-nirien li kkawżat ħsara fil-cables tul numru twil ta’ metri. Wara daħlu l-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta sabiex isewwu l-ħsara.
Bħalissa, il-ħaddiema komplew bil-ħidma tagħhom hekk kif dawk il-lokalitajiet li sofrew l-konsegwenzi minħabba l-ħsara bdew jerġgħu jingħataw lura d-dawl. L-istqarrija tal-Enemalta temm billi tirringrazzja lill-ħaddiema tagħha u kif ukoll lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili għall-ħidma tagħhom.
Għal aktar tagħrif jew għajnuna, il-klijenti jistgħu jitkellmu mat-tim ta’ għajnuna lill-klijenti tal-Kumpanija fuq il-freephone 8007 2224, iżuru s-sit www.enemalta.com.mt jew jikkuntattjaw lill-Kumpanija fuq Facebook – www.fb.me/eneplc.
//= $special ?>