Elezzjoni Kap PN Lokali

“Perversità” – Frank Portelli

“Meta ngħid li l-Partit Nazzjonalista tilef it-triq, għaliex ma żammx mal-prinċipji u allura beda jipprova jogħġob lil Alla u x-xitan, u s-sitwazzjoni f’Malta issa qed tiddeterjora, jien qatt ma rajt anka l-perversità li hawn.”

Dan qalu l- Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli f’messaġġ ippubblikat ilbieraħ.

Frank Portelli kompla jgħid li kien sema’ flash news li kien hemm mara li daħlet fi trakk taż-żibel f’Paceville: “Mid-derha taħdem f’xi gentlemen’s club, u tafu x’għamlet? Ippruvat taħrab u ntefgħet ġo trakk taż-żibel, għax mentalment hi hekk kienet qed tħossha. Qed tħoss li lilha qed jitrattawha ta’ żibel. Dan m’hu l-ebda gentlemen’s club. Dawn huma skjavi tas-sess. Jinħbew wara isem sabiħ, u timmaġina li trid tkun ġentlom biex tidħol hemm, imma dan m’hu veru xejn,” iddikjara Frank Portelli.

Kompla li f’postijiet bħal dawn wieħed isib “id-droga, u dan affari li l-Pulizija li jiċċekkjaw. Hemm il-flus għaddejjin, hemm ir-rikatti, u aħna f’Malta spiċċajna f’din il perversità kollha.”

Temm billi qal li meta kien qed jaqra l-artiklu dwar dan il-każ, staqsa: “Imma din il-mara mhix it-tifla ta’ xi ħadd? M’għandiex omm u missier? U aħna rridu li issa f’Malta nsiru famużi, insiru t-torċa ta’ dawn l-affarijiet?” Hu sostna li ma jaqbilx.