Internazzjonali

Raġel armat maqtul wara inċident terroristiku fil-Belġju

Raġel fil-Belġju spiċċa maqtul wara li ħebb għal suldati fil-kapitali Brussell. Ir-raġel kien armat b’sikkina kbira u l-investigaturi qegħdin jitrattaw l-inċident, li seħħ fil-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, bħala attakk terroristiku.

L-aggressur, ta’ nisel Somalu, u li kellu 30 sena, iddaħħal l-isptar f’kundizzjoni kritika wara li ġarrab diversi tiri fil-konfront. Hu kien iddikjarat mejjet ftit tal-ħin wara. Intant, l-awtoritajiet Belġjani ma tilfux żmien biex isaħħu s-sigurtà fil-kapitali fejn il-preżenza ta’ suldati saret xi ħaġa komuni minħabba t-theddida terroristika.

L-inċident inkwistjoni seħħ fit-triq prinċipali ta’ Emile Jacqmain, fil-qalba ta’ Brussell, u r-rapporti qalu li l-aggressur kien avviċina lill-pulizija qabel attakkahom fost għajjat ta’ Allahuakbar.

Filwaqt li l-aggressur ma kienx magħruf mal-awtoritajiet għal xi attivitajiet terroristiċi, l-investigazzjonijiet attwali qegħdin jikkonċentraw fuq din it-tema.  Fil-fatt, il-prosekuturi qalu li qed jitrattaw l-inċident bħala ‘attentat ta’ qtil fuq bażi terroristika’

‘Il quddiem kien ikkonfermat li suldat spiċċa ferut f’idejh waqt l-attakk fi Brussell, kuntrarju għal rapporti inizjali li qalu li kienu ndarbu żewġ suldati.

Il-Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel, bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lin-nies affettwati mill-attakk waqt li sostna li ‘l-appoġġ tal-pajjiż kollu hu mas-suldati Belġjani’.

Michel kompla li s-servizzi tas-sigurtà qegħdin iżommu allert kontinwu filwaqt li jissorveljaw is-sitwazzjoni ‘minn minuta għall-oħra’.

Madankollu, Philip Close, is-Sindku ta’ Brussell, qal li mgħandux jiżdied l-istatus tal-allert fil-kapitali wara l-aħħar inċident. Dan wara li kien ikkonfermat li ‘l-azzjoni tas-Somalu kienet waħda iżolata li twettqet minn raġel waħdu’.