Is-sewwieq Ġermaniż Sebastian Vettel ġedded il-kuntratt mal-Ferrari bi tliet snin u hu se jkun marbut mat-tim sal-2020. Vettel, erba’ darbiet champion tad-dinja kien ilu mal-Ferrari sa mill-2015 u minn dakinhar ‘l hawn għen lit-tim ikun wieħed mill-isfidanti għar-rebħ tat-titlu wara li dawn kienu għaddew minn snin diffiċli.
Dan l-istaġun Vettel qiegħed jokkupa l-ewwel post fil-klassifika ġenerali tas-sewwieq b’vantaġġ ta’ 14-il punt fuq Lewis Hamilton tal-Mercedes.
Din l-aħbar ittemm l-ispekulazzjonijiet li Vettel se jħalli lill-Ferrari u fl-istess waqt tikkonferma li fl-istaġun li ġej Vettel u Raikkonen se jkunu qed isuqu flimkien.
Dan wara li matul il-ġimgħa li għaddiet il-Ferrari ħabbru li Kimi Raikkonen ġedded il-kuntratt tiegħu b’sena.
Raikkonen qiegħed jokkupa l-ħames post fil-klassifika ġenerali u s’issa ma rebaħ l-ebda tellieqa.
Raikkonen, li għandu 37 sena se jkun qed isuq mal-Ferrari għall-ħames sena konsekuttiva filwaqt li fil-passat għamel tliet staġuni oħra mal-Ferrari.