“Minn qalbi nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom li fl-aħħar jiem u ġimgħat, iltqajt magħkom u esprimejtu x-xewqa tagħkom li dak li nbeda fl-aħħar erba’ snin, jitkompla u jintemm.”
Dan kien il-messaġġ tal-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione hekk kif matul il-ġurnata tal-Ħadd kompla jiltaqa’ ma’ aktar nies f’Malta u f’Għawdex.
Perici Calascione qal li flimkien, fl-aħħar erba’ snin, ħdimna biex ikollna Partit Nazzjonalista finanzjarjament b’saħħtu, organizzat u anke b’narrattiva li magħha għaqqadna ħafna individwi li qatt qabel ma kienu resqu lejn il-Partit tagħna. Imma bla dubju, it-triq li nbdiet għadha ma spiċċatx u għalhekk, fit-tmexxija tal-Partit hemm bżonn xi ħadd li jkompli dak li bdejna flimkien.
Alex Perici Calascione qal li b’umiltà jirringrazzja lill-gazzetta The Sunday Times of Malta, li fl-editorjal tagħha, bl-aktar mod ċar, qalet li l-kandidat li jista’ jqum għall-okkażjoni hu Alex Perici Calascione, li matul din il-kampanja elettorali, kiber ferm fl-istatura tiegħu.
Alex Perici Calascione qal li editorjal bħal dak ta’ The Sunday Times jimlih bil-kuraġġ, mhux biss għaliex il-messaġġ tiegħu qiegħed jasal, iżda anke għaliex jinħass li dak li jemmen fih hu, mhux biss qed jemmnu fih in-nies tal-Partit, il-kunsilliera u t-tesserati, iżda anke l-media f’pajjiżna, u n-nies minn barra.
“Mis-17 ta’ Settembru, bħala Partit magħqud, irridu nibdew naħdmu mill-ewwel – ma hemmx ħin x’naħlu – biex inkomplu dak li bdejna,” qal Alex Perici Calascione.
Żied li kif qalet The Sunday Times, il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn Kap li jmexxi l-vapur, li jkompli bil-programm ta’ ristrutturar finanzjarju, jgħaqqad il-Partit wara viżjoni – ta’ tmexxija tajba, tolleranza zero għall-korruzzjoni u diversifikazzjoni tal-ekonomija – u jimplimenti metodi ġodda ta’ kif iġib voti ġodda.
“B’umiltà, qed nagħti lili nnifsi għall-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument importanti,” temm jgħid Alex Perici Calascione.
//= $special ?>