Sport Sport Ieħor

Chris Froome jirbaħ id-disa’ stadju ta’ La Vuelta

Chris Froome jaqsam il-linja finali tad-disa stadju (Ritratt: EPA)

Chris Froome saħħaħ postu fil-quċċata tal-klassifika ta’ La Vuelta wara li rebaħ id-disa’ stadju qabel l-eqreb rivali Esteban Chaves f’Cumbre del Sol. Il-Britanniku attakka l-aħħar 500 metru fit-telgħa u deher li bena distakk deċiżiv, qabel ma’ Chaves irkupra u spiċċa wara r-rota ta’ Froome.

Iżda ċ-ċiklist ta’ Team Sky kien kapaċi jerġa’ jżid il-veloċità u rebaħ b’distakk ta’ erba’ sekondi biex kabbar il-vantaġġ fuq l-istess ċiklist ta’ Orica-Sott fil-klassifika ġenerali għal 36 sekonda.

Froome żamm kalm u baqa’ komdu wara sieħbu Mikel Nieve fuq quddiem tal-grupp li kien fih l-isfidanti ewlenin. Eventwalment ir-rebbieħ tat-Tour de France attakka lejn it-tmiem u kien kapaċi jirrispondi meta ntlaħaq minn Chaves b’200 metru għat-tmiem.

“Tajt kollox li kelli fl-aħħar ftit mijiet ta’ metri. Kont determinat li mhux se jkunu kapaċi jilħquni. Kuntent ħafna li ksibt ir-rebħa. It-tim għamel biċċa xogħol brillanti fl-aħħar telgħa u laħqu ritmu tajjeb,” qal Froome wara l-ewwel rebħa fi stadju din is-sena.

Hu kompla jgħid li wara ġimgħa diffiċli kellu tmiem tajjeb, saħaq li kellu bidu fantastiku u qed iħoss li saqajh jinsabu tajbin. Froome kompla jgħid li sa issa kollox mar tajjeb.

Għada hi ġurnata ta’ mistrieħ qabel mal-għaxar stadju jara liċ-ċiklisti f’tappa ta’ 164.8km minn Caravaca għal El Pozo.