Sport Ieħor

Duncan Micallef megħlub miċ-Champion renjanti Anita Makela

Duncan Micallef f'Tierp

Is-sewwieq Malti Duncan Micallef kien eliminat fl-ewwel rawnd ta’ eliminazzjonijiet tal-ħames rawnd tal-ogħla klassi tal-Kampjonat Ewropew magħrufa bħala Top Fuel Dragster.

Micallef xorta għadu jżomm postu fil-quċċata tal-klassifika tal-kampjonat, iżda din l-eliminazzjoni fissret li t-tellieqa se tibqa’ miftuħa sas-sitt u l-aħħar rawnd tal-kampjonat li se jsir f’Santa Pod fl-Ingilterra bejn is-Sibt u l-Ħadd 9 u 10 ta’ Settembru. Micallef hu mistenni li jkollu kompetizzjoni ħarxa minn Antti Horto li lbieraħ rebaħ fl-Iżvezja u bħalissa jinsab fit-tieni post fil-kampjonat.

Sadanittant, is-sewwieq tad-drifting Kaysie Wood qed jikkompeti fil-Kampjonat tad-Drifting fl-Ingilterra. Wood jidher li għal darba oħra għandu xi diffikultajiet fl-Iskozja u jittama li jingħelbu fil-ħames rawnd f’Teeside.

Riżultati pożittivi għal seba’ xufiera fi Sqallija

Is-seba’ xufiera li kkompetew f’Chiaramonte fi Sqallija jidher li kollox ma’ kollox marru tajjeb. Noel Galea jinsab l-ewwel fil-klassi u l-ħames minn 204 karozzi li kkompetew, James Dunford qiegħed it-tielet u l-11-il mill-kompetituri kollha, Edward Calleja jinsab l-ewwel fil-klassi u t-tielet fil-grupp, Didie Bugeja jinsab it-tielet fl-aktar klassi kompetittiva u jinsab fis-sitt post fil-grupp tiegħu. Joe Anastasi għal darba oħra spiċċa l-ewwel fil-klassi tiegħu u s-sitta fil-grupp filwaqt li Etienne Grech kellu jirtira wara t-tieni rawnd minħabba xi ħsarat.