Wara l-inċident li seħħ ftit tal-jiem ilu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn Kaptan tal-Air Malta kellu jagħfas il-brekijiet b’saħħa kbira biex kienet evitata traġedja, il-gazzetta il-mument qalet li qed isiru l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet.
Esperti fil-qasam tal-avjazzjoni Maltija qalu lil il-mument kif aktar kmieni dan ix-xahar intervent f’waqtu minn Kaptan u ekwipaġġ Malti tal-Air Malta, wassal biex kienet evitata dik li setgħet żviluppat fi traġedja kbira fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta meta nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Awwissu ftit wara s-7.30 ta’ filgħodu, bdiet titjira tal-Air Malta lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Fiumicino ġewwa Ruma.
Il-ħin skedat tat-titjira kien dak imsemmi u kollox kien fil-ħin bil-Kaptan tal-ajruplan jordna l-għeluq tal-bibien tal-ajruplan u jibda jħejji għat-titjira. Filfatt meta l-ajruplan tal-Air Malta kien beda t-titjira tiegħu u kien qiegħed jakkumula l-veloċità fuq il-mitjar biex jibda jinqata’ mill-art, f’ħin mhux mistennni l-Kaptan għafas il-brekjijiet tal-ajruplan li kien diġà qabad momentum qawwi ħafna biex jibda jtir.
Dawk kollha abbord din it-titjira nħasdu u kienu xxukkjati b’dak kollu li kien ġara meta filli kulħadd kien bil-qegħda jistenna l-ajruplan jibda l-korsa tiegħu tat-tluq u jibda jinqata’ ftit ftit mill-art, u filli l-ajruplan twaqqaf ħesrem mill-veloċità qawwija li kien beda jakkumula.
Jirriżulta li dan kollu seħħ peress li kien hemm ajruplan ieħor fil-qrib li fil-fatt irriżulta li kien fil-fażi ta’ “go-round’ and crossed path”.
Dan l-inċident serju issa qiegħed ikun investigat mill-awtoritajiet tal-Ajruport, mill-Air Malta, u fuq kollox, mill-awtoritajiet tat-Torri tal-Kontroll tal-Avjazzjoni li jikkoordinaw huma l-moviment mhux biss fl-Ajruport Malti, iżda wkoll fit-territorju tal-ajru Malti.
Is-sorsi żiedu jgħidu lil il-mument li kaġun ta’ dan l-inċident, fejn il-Kaptan biex jilgħab sigur waqqaf ħesrem il-movimenti tal-ajruplan – u mnalla ma kienx hemm il-mitjar imxarrab b’xi ilma tax-xita – kien jeħtieġlu mbagħad iwaqqaf l-ajruplan tiegħu lil hinn minn fejn kien, u f’żona fejn setgħu jsiru l-investigazzjonijiet ta’ ċertezza abbord l-istess ajruplan qabel ma dan seta’ jingħata mill-ġdid iċ-ċertifikazzjoni biex ikun jista’ jerġa’ jtir.
//= $special ?>