Xahar wara li jinħatar il-Kap tal-PN se nsibu ma wiċċna baġit fil-Parlament li għalih il-Partit Nazzjonalista jrid ikun imħejji sew. F’inqas minn sentejn, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew li għalihom il-Partit Nazzjonalista jrid jippreżenta proposti, jagħmel kampanja u jsib il-kandidati. Iż-żmien kontrina u kull ġurnata li tgħaddi ma tistax tinħela.
Fi stqarrija, Chris Said qal li dan kollu qed isir f’kuntest fejn il-partit għaddej minn żmien diffiċli, mhux biss għax tilef l-elezzjoni, iżda minħabba li għaddej minn tiġdid intern b’elezzjoni għal kap ġdid.
Għalhekk, li mis-17 ta’ Settembru rridu mmiddu għonqna għax-xoghol bl-ewwel sfida importanti se tkun l-għaqda tal-partit. Chris Said kompla li b’telfa f’elezzjoni ġenerali, segwita minn elezzjoni għal Kap bilfors tħalli feriti, iżda kruċjali li mis-17 ta’ Settembru ‘l hemm il-feriti nibdew nagħlquhom mhux niftħuhom aktar.
Said qal li bl-esperjenza ta’ tletin sena fil-partit u fil-politika, kapaċi juża din l-esperjenza biex jgħaqqad il-partit.
Kull min hu ġenwin u tal-affari tiegħu, kull min hu leali u jħobb il-partit, kull min irid li l-partit jerġa’ jsib saqajh, kull minn jemmen f’politika nadifa, kull min irid il-ġid tal-partit li writna minn idejn Gorg Borg Oliveri, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busutiil, se nkun qed naħdem spalla ma’ spalla miegħu, magħha biex flimkien insaħħu l-partit u nagħmluh rebbieħ, sostna Chris Said.
Il-viżjoni li ħallielna Eddie Fenech Adami, s-suċċess ekonomiku ta’ Lawrence Gonzi u l-integrità li biha mexa Simon Busuttil irridu nkompluha mis-17 ta’ Settembru ‘l quddiem, iżda rridu wkoll stil ġdid ta’ politika li tirrifletti ż-żminijiet tal-lum u ta’ għada.
Għal pajjizna, rrid politika li tappoġġja l-ħaddiem mhux tagħmillu ħajtu aktar diffiċli – jien mhux se naqbel ma’ proposti li jnaqqru mid-drittijiet tal-ħaddiema fosthom li l-ewwel ġurnata tas-sick leave ma tkunx imħallsa u li l-anzjani u l-pensjonanti tagħna jingħataw livell aħjar tal-ghixien. Irrid li nsaħħu l-familja u ndaħħlu lura termini bħal omm u missier fil-liġi taż-żwieġ ugwali, spjega Chris Said.
Imma l-ewwel irridu ningħaqdu, mhux ninfirdu, nagħlqu l-feriti mhux niftħuhom aktar, inpoġġu d-differenzi ta’ bejnietna mal-ġenb għax l-interess tagħna l-ġid tal-partit li ħadd, u xejn mhu akbar minnhu.
Bl-esperjenza li tgħaqqadna nerġgħu nagħmlu mill-Partit Nazzjonalista partit rebbieħ, temm jgħid Chris Said.
//= $special ?>