Lokali Qorti

Liberta proviżorja għal raġel li nqabad b’40 qartas kokaina f’Għawdex

Charles Pace ta’ 54 sena mill-Imsida ingħata l-liberta’ proviżorja  mill-Qorti t’Għawdex wara li l-Ħadd filgħodu tressaq quddiem l-istess Qorti akkużat bi traffikar u pussess aggravat ta’ droga kokaina. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Pace kien arrestat wara li fil-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt inqabad li kellu iktar minn 40 qartas ta’ droga kokaina fil-pussess tiegħu. Il-pulizija kienu ilhom xi jiem josservaw lil Pace u kien biss lejn l-aħħar li l-akkużat intebah bihom u pprova jarmi d-droga.

Charles Pace kien akkużat li huwa reċidiv u li wettaq dan ir-reat waqt iż-żmien operattiv ta’  sentenza sospiża.

Il-Prosekuzzjoni opponiet għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravita’ tar-reat, il-fedina penali tal-akkużat, kif ukoll minħabba li Pace m’għandux indirizz fiss.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Paul Coppini laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €10,000

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech filwaqt li l-Avukat George Anton Buttigieg deher għal Pace.