Liverpool telgħu b’seba’ punti fil-klassifika wara li b’wirja mill-aqwa għelbu lil Arsenal 4-0. Liverpool fetħu l-iskor fis-17-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Roberto Firmino li għeleb lil Cech wara li daħal fl-ispazju. It-tim ta’ Klopp irdoppja l-iskor fl-40 minuta b’kontrattakk veloċi li minnu Sadio Mane ġibed il-ballun għan-nofs u b’konklużjoni fuq it-tieni lasta għeleb lil Cech.
Ebda reazzjoni minn Arsenal u ma kinitx sorpriża li Liverpool skorjaw it-tielet gowl fis-57 minuta. Kien minn korner ta’ Arsenal li Hector Bellerin tilef il-ballun, b’Mohamed Salah jieħu l-pussess minn tliet kwarti ta’ grawnd, baqa’ javvanza u b’xutt fil-baxx għeleb lill-gowlkiper avversarju.
Liverpool għaqqdu l-poker fis-77 minuta meta minn kontrattakk ieħor, Salah krossja b’mod perfett lejn Daniel Sturridge li daħal tajjeb u għeleb lil Cech bir-ras.
Tottenham jintlaħqu fl-aħħar
Il-forma ħażina ta’ Tottenham f’Wembley Stadium kompliet hekk kif spiċċaw 1-1 kontra Burnley. Kienu Tottenham li fetħu l-iskor fid-49 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, id-difiża ta’ Burnley naqset li tbiegħed il-periklu b’Dele Alli jkun pront u jiskorja b’xutt fil-baxx. Iżda Burnley irnexxielhom isalvaw punt mil-logħba fit-93 minuta wara li l-attakkant Chris Wood żmarka ruħu tajjeb u b’konklużjoni għeleb lil Hugo Lloris.
It-tieni rebħa għal Chelsea
Chelsea kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat wara li fi Stamford Bridge għelbu lil Everton 2-0. Il-gowls li ddeċidew il-logħba waslu fl-ewwel taqsima. L-ewwel kien Cesc Fabregas li rċieva bir-ras mingħand Alvaro Morata u għeleb lil Pickford b’xutt fil-baxx, biex fl-40 minuta Alvaro Morata skorja b’daqqa ta’ ras tajba wara kross mil-lemin.
Draw bejn WBA u Stoke
West Bromwich Albion u Stoke spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Kienu West Brom li fetħu l-iskor mas-siegħa logħob b’daqqa ta’ ras ta’ Jay Rodriguez wara kross mil-lemin. Stoke ġabu d-draw fis-77 minuta meta l-veteran Peter Crouch ħa vantaġġ minn żball fid-difiża u skorja b’daqqa ta’ ras.
//= $special ?>