Sport Sport Ieħor

Mayweather jegħleb lil McGregor fl-10 rawnd

Floyd Mayweather jitla' fuq il-ħabel wara t-tmiem tal-ġlieda (Ritratt: EPA)

Floyd Mayweather kiseb rebħa importanti meta għeleb lil Conor McGregor fl-10 rawnd, fi ġlieda li ħolqot interess kbir madwar id-dinja. Hu kiseb il-50 rebħa, u baqa’ mhux megħlub fil-karriera tiegħu. L-Amerikan irreġistra l-ewwel rebħa minn meta għeleb lil Victor Ortiz fl-2011, hekk kif għadda lill-ġellied tas-snin 50 Rocky Marciano u kompla jistabilixxi ruħu bħala wieħed mill-aqwa boxers ta’ kull żmien.

McGregor li proprjament jiġġieled fil-UFC, beda l-ġlieda b’mod impressjonanti, iżda mal-ħin beda jnaqqas u beda jsofri minn diversi daqqiet, bir-referee Robert Byrd ikollu jintervjeni. “Xtaqt lir-referee jħallini għaddej, minkejja li kont ftit għajjien.”

L-ewwel daqqa sinifikanti waslet minn uppercut ta’ McGregor li wieġeb lill-kritiċi dwar il-kwalitajiet tiegħu. Fl-ewwel rawnds l-Irlandiż kien aħjar, iżda Mayweather beda jidħol aktar fil-logħba u beda jsib l-ispazju biex jagħti d-daqqiet tipiċi tiegħu bil-lemin, fejn temm il-ħames rawnd b’daqqa tajba li tefgħet lil McGregor fil-kantuniera tiegħu.

L-għajja f’saqajn McGregor bdiet tidher u beda jiddefendi, b’Mayweather jieħu vantaġġ. Fit-tmien rawnd, l-Amerikan beda jżid l-aggressività tiegħu, b’McGregor ma jirnexxilux isib mod kif joħroġ mill-attakki tal-avversarju.

L-Irlandiż żamm sod fid-disa’ rawnd, iżda l-grinta tiegħu ma kinitx biżżejjed fl-għaxar rawnd u minkejja li ma spiċċax mal-art, id-diversi daqqiet ta’ Mayweather wasslu għal konklużjoni, bir-referee jwaqqaf il-ġlieda u jagħti r-rebħa lil Mayweather.

Tags