Futbol Sport

Milan u Napoli jirbħu konfronti diffiċli

Suso jiċċelebra l-gowl tar-rebħa wara li skorja minn free-kick (Ritratt: EPA)

Milan, Napoli u Sampdoria rnexxielhom jirbħu t-tieni logħba biex baqgħu b’punti massimi wara r-rebħiet ta’ Juventus u Inter is-Sibt.  Fiorentina sofrew it-tieni telfa konsekuttiva filwaqt li t-tim promoss ta’ Spal kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat.

VERONA – Rebħa importanti għal Lazio li għelbu lil Chievo 2-1. CIRO IMMOBILE fetaħ l-iskor fil-11-il minuta, b’MANUEL PUCCIARELLI jġib id-draw fl-34 minuta. SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC skorja l-gowl tar-rebħa fid-89 minuta.

CROTONE – Crotone u Chievo ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ mingħajr gowls.

FIRENZE – Fiorentina tilfu wkoll it-tieni logħba. Sampdoria marru 2-0 minn fuq  fit-32 u l-35 minuta minn GIANLUCA CAPRARI u FABIO QUAGLIARELLA, b’MILAN BADELJ inaqqas id-distakk fil-50 minuta.

MILAN – Wara r-rebħa konvinċenti fl-ewwel logħba, kien mistenni aktar minn Milan li sabuha diffiċli biex jegħlbu lil Cagliari 2-1. Milan fetħu l-iskor fl-10 minuta permezz taż-żagħżugħ PATRICK CUTRONE li skorja mill-viċin wara kross ta’ Suso.  Cagliari tjiebu fil-logħob tagħhom u meritatament ġabu d-draw fis-56 minuta meta ħadu vantaġġ minn żball difensiv, b’JOAO PEDRO jegħleb lil Donnarumma b’xutt fil-baxx. Iżda Milan rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tar-rebħa fis-70 minuta bi free-kick mill-isbaħ ta’ SUSO.

NAPLI – Napoli kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt biex għelbu lil Atalanta 3-1. Il-Bergamasci fetħu l-iskor mal-kwarta logħob permezz ta’ BRYAN CRISTANTE. Napoli dawru l-iskor l-ewwel fis-56 minuta b’xutt sabiħ ta’ PIOTR ZIELINSKI u ħames minuti wara minn DRIES MERTENS. MARKO ROG għalaq il-logħba fis-87 minuta.

FERRARA – Spal kisbu rebħa tajba ta’ 3-2 fuq Udinese. MARCO BORIELLO fetaħ l-iskor fil-25 minuta u rduppjaw fl-54 minuta minn MANUEL LAZZARRI. BRAM NUYTINCK naqqas id-distakk fit-72 minuta biex kwarta wara CYRIL THEREAU ġab id-draw. LUCA RIZZO skorja l-gowl tar-rebħa lejn it-tmiem.

TURIN – Rebħa tajba għal Torino li għelbu lil Sassuolo 3-0.  Gowl mill-isbaħ ta’ ANDREA BELOTTI fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’ADAM LJAJIC jagħlaq il-logħba fl-84 minuta u JOEL OBI ssiġilla r-rebħa erba’ minuti wara.