Lokali

Qabda ta’ droga f’Għawdex

Il-Qorti ta’ Għawdex, dalgħodu mistennija tiftaħ b’urġenza biex raġel ta’ 55 sena residenti l-Imsida jitressaq b’numru ta’ akkużi relatati ma’ pussess u traffikar ta’ droga f’Għawdex. Ir-raġel inqabad fil-pussess ta’ 40 qartas tad-droga kif ukoll ta’ diversi oġġetti oħrajn marbuta man-negozju u t-traffikar tad-droga wara li kien għal dawn l-aħħar jiem segwit mill-Pulizija pajżana tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta.

Żvelat dan il-gazzetta il-mument, li qalet li Sorsi li tkellmu magħha qalu li fl-aħħar jiem ir-raġel irċieva mingħand terza persuna ammont ta’ droga iżda mbagħad kien hu li fiżikament qassam id-droga f’pakketti żgħar għat-traffikar. Fost l-oġġetti maqbuda mill-pulizija saħansitra kien hemm miżien elettroniku li hu kunsidrat bħala għodda importanti fin-negozju tad-droga.

Għalhekk ir-raġel kien ilu segwit għal dawn l-aħħar jiem,u kien biss fil-mumenti li kien se jkun interċettat li hu ntebaħ bil-preżenza tal-pulizija u saħansitra pprova jarmi d-droga meta kien tard wisq. Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li dan ir-raġel jagħmel parti minn grupp ta’ għadd ta’ persuni oħra, fosthom Għawdxin li qed jimportaw ‘it-trab abjad’ bil-baħar għall-konsum lokali.

Bil-qabda tad-droga kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li mhux biss ordna inkjesta maġisterjali imma ħatar għadd ta’ esperti biex jgħinuh fl-inkjesta.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument filwaqt li għamlu referenza għal diskors li għamel l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech nhar Santa Marija dwar barunijiet tad-droga li qed iħaxxnu bwiethom mit-traffikar tad-droga waqt il-festi, ġibdu l-attenzjoni li nhar il-Ġimgħa bil-lejl f’Għajnsielem isir dak li hu meqjus bħala l-akbar marċ f’Għawdex b’rabta mal-festa tal-parroċċa u li għalih jattendi baħar ta’ żgħażagħ. Mhux eskluż li l-Pulizija Maltija qed tinvestiga x’rabtiet seta’ kien hemm bejn il-qabda ta’ din id-droga lesta biex tkun traffikata għaliex kienet fil-qratas u dan l-istess marċ f’Għajnsielem.