Mill-gazzetta il-mument
Il-Pulizija Maltija u dik Taljana jafu tajjeb li fuq bażi regolari qiegħed ikun hemm traffikar ta’ droga – fid-diversi forom tagħha – min-naħa ta’ isfel tal-Italja lejn Malta.
Il-kuntatt bil-baħar bejn Malta u n-naħa ta’ isfel tal-Italja llum hu varju u ma jinkludix biss diversi traġitti minn portijiet diversi bil-katamaran minn Sqallija lejn Malta, imma wkoll traġitti b’bastimenti merkantili u oħrajn tal-passiġġieri min-naħa ta’ isfel tal-peniżola Taljana lejn Malta.
Għalkemm xi kontrolli mill-Pulizija Taljana qed isiru u b’mod remot ikun hemm qbid ta’ kunsinni ta’ droga, l-istess awtoritajiet huma ċerti li d-dimensjoni tal-attività kriminali bejn il-portijiet fl-Italja u fi Sqallija lejn Malta hi ferm u ferm akbar.
Il-ħidma ta’ kontroll saret aktar iebsa
Sorsi fil-Pulizija Maltija li tkellmu ma’ il-mument, fissru li llum tant kibru n-negozju u t-traffiku bejn iż-żewġ pajjiżi li hu kważi impossibbli li tfittex f’kull karozza, vann jew trakk. Il-merkanziji li qed jiddaħħlu f’pajjiżna ma jispiċċaw qatt u għalhekk ix-xogħol ta’ kontroll sar ferm aktar iebes.
Illum jaslu Malta mhux biss għadd ġmielu ta’ karozzi, vannijiet u trakkijiet, imma anki trailers u freezers kbar li jkomplu jikkomplikaw ix-xogħol ta’ sorveljanza.
Is-sors ta’ il-mument fisser li llum ix-xogħol inbidel ħafna u ħafna mix-xogħol hu bbażat fuq intelligence u osservazzjoni. Hawnhekk ma jsirx biss xogħol mill-Pulizija u mid-Dwana, imma anki mis-Servizz Sigriet Malti li kemm-il darba jkollu xi informazzjoni ta’ intelligence f’dan ir-rigward għandu jgħaddiha lill-Pulizija biex taġixxi.
Min-naħa tagħha l-Pulizija Taljana wkoll qed issibha diffiċli biex tikkontrolla dak li ħiereġ mill-Italja lejn Malta. Għalkemm fl-aħħar xhur kien hemm numru ta’ qabdiet ta’ droga fi triqitha lejn Malta, il-Pulizija Taljana hi konxja li t-traffikar tad-droga mill-Italja lejn Malta hu fuq bażi ta’ organizzazzjoni kriminali u hu fuq livelli ferm akbar milli jidher.
Traffikar tad-droga għas-suq lokali
Madankollu jidher li l-kunsinni tad-droga lejn Malta, qed jintbagħtu biex jintużaw għal skop ta’ traffikar lokali. Hi remota l-possibbiltà li l-istess droga qed taqbad minn Malta xi rotta lejn in-naħa ta’ fuq tal-Afrika, fosthom lejn il-Libja minħabba li l-klima baqgħet waħda xejn stabbli.
Żdiedet id-domanda għad-droga
Fattur ieħor huwa li fost il-popolazzjoni Maltija kibret u nfirxet il-popolazzjoni ta’ barranin li huma wkoll ifittxu d-droga fid-diversi tipi u forom tagħha. Dan ikompli jwassal għall-fatt li d-domanda għad-droga fis-suq Malti hi waħda kbira u mhux dejjem issib provvisti adegwati biex tinqeda.
Għalhekk l-aħjar swieq biex tiddaħħal fi żmien qasir id-droga f’Malta huma permezz ta’ kuntatti ta’ terzi ma’ ċrieki tal-kriminalità fl-Italja stess jew fiċ-ċentru tal-Ewropa.
Sensiela ta’ traffikar tad-droga tul is-sajf
Konferma ta’ dan kienet l-arrest ta’ Malti ta’ 49 sena lejn l-aħħar ta’ Ġunju li kien fil-pussess ta’ 22 kilogramma droga. F’din is-sejba kien hemm 13-il kilogramma droga kokaina u disa’ kilogrammi droga eroina. Hu twaqqaf mill-Pulizija ta’ Ragusa wara li kien fl-inħawi tal-port ta’ Pozzallo fi triqtu lejn Malta.
Fid-19 ta’ Ġunju seħħ ukoll l-arrest ta’ erba’ persuni, żewġ Belġjani u żewġ Maltin wara sejba ta’ għaxar kilogrammi droga kokaina.
Iż-żewġ Belġjani kienu arrestati mill-Pulizija hekk kif waslu Malta minn Sqallija. Qabel waslu Malta, il-Pulizija kellhom diġà informazzjoni dwar dawn iż-żewġ persuni.
Għaldaqstant kollox beda hekk kif iż-żewġ persuni, mara ta’ 62 sena u raġel ta’ 45 sena, waslu Malta bil-katamaran. Il-Pulizija segwewhom sal-lukanda. Wara, iż-żewġ Belġjani niżlu mill-karozza u rikbu f’karozza oħra u saqu mill-post. Wara xi ħin isuqu, iż-żewġ persuni twaqqfu mill-Pulizija fl-Imsida fejn hemmhekk wara tfittxija nstabu 10 kilogrammi droga kokaina. Iż-żewġ Maltin miżmuma dwar din is-sejba kienu raġel ta’ 38 sena minn Birkirkara u ieħor ta’ 41 sena minn Ħal Safi.
Fost il-qabdiet reċenti ta’ droga fi triqitha lejn Malta minn Pozzallo fi Sqallija kien hemm ukoll il-każ ta’ Sqalli ta’ 47 sena li kien fi triqtu lejn Malta bi kważi 50 kilogramma ħaxixa. Dan l-arrest seħħ f’nofs Ġunju li għadda meta kollox kien ippjanat għal dan it-traffikar ta’ droga lejn Malta biex imbagħad l-istess kunsinna tingħata f’idejn terzi ġewwa Malta darba l-katamaran iħott il-vetturi abbord.
Hu kien arrestat waqt li kien qiegħed jistenna biex jimbarka fuq il-katamaran lejn Malta. Dak il-ħin l-Isqalli qajjem suspett bil-movimenti tiegħu u l-Pulizija talbitu biex tagħmel tiftix aktar profond fil-karozza li kien qiegħed isuq u li fiha nstabu preċiżament 47 kilo ħaxixa destinata għas-suq Malti.
L-indaġni tal-Pulizija Taljana dwar dan il-każ għadha għaddejja u dwar l-istess arrest il-Pulizija Taljana talbet lill-Pulizija Maltija biex tara x’tip ta’ konnessjonijiet għandu l-Isqalli ma’ terzi kriminali f’Malta.
Din il-kunsinna ta’ droga ħaxixa maqbuda f’Pozzallo ntbagħtet f’laboratorju forensiku ġewwa Raguża biex tkun analizzata xjentifikament u rapporti fil-midja Taljana żvelaw li l-ammont f’termini ta’ flus fis-suq ta’ din id-droga kien madwar €150,000.
Ftit biss qabel din il-qabda, il-Pulizija Taljana fi Sqallija kienet arrestat Niġerjan ta’ 24 sena li fil-pussess tiegħu kienet inqabdet bagalja mimlija droga u flus.
Fil-fatt, il-Pulizija ta’ Pozzallo kienet indagat lil dan in-Niġerjan u stabbiliet li fil-pussess tiegħu dakinhar kellu xejn inqas minn sitt kilogrammi marijuana u ammont konsiderevoli ta’ kokaina li bihom kien fi triqtu lejn Malta.
Fil-konfront ta’ dan in-Niġerjan il-Pulizija Taljana kienet qed tistabbilixxi x’tip ta’ kuntatti għandu ma’ Malta u kemm fil-verità hu familjari ma’ Malta u l-Maltin. Grazzi għall-mowbajl tiegħu nkisbet ħafna informazzjoni li kienet trażmessa wkoll lill-Pulizija Maltija għal aktar indaġnijiet.
Qabda oħra ta’ droga mill-Port ta’ Pozzallo saret fil-bidu ta’ Mejju li għadda meta raġel ta’ nazzjonalità Pollakka fi triqtu lejn Malta permezz ta’ karozza kien inqabad bi tmien kilogrammi marijuana. Il-Pulizija Taljana kienet u għadha qed tinvestiga dak il-każ, l-aktar biex tara kif dan il-Pollakk spiċċa li fil-pussess tiegħu kellu daqstant marijuana lejn Malta; min għaddielu din il-kunsinna u finalment f’idejn min kienet se tispiċċa. Dik id-droga partikulari ma kinix biss sekwestrata iżda minn analiżi xjentifika fuqha kien determinat li fis-suq kienet iġġib xejn inqas minn €50,000.
Dik il-qabda partikulari ta’ droga lejn Malta kienet saħħet it-teżi tal-awtoritajiet Taljani dwar ċrieki kriminali organizzati fin-naħa ta’ isfel tal-Italja u Sqallija ma’ terzi kriminali fiċ-ċentru tal-Ewropa, saħansitra fost il-pajjiżi li fis-snin tmenin kienu jiffurmaw parti mill-blokk Komunista.
Qabda oħra sinifikanti ta’ droga marijuana u ħaxixa lejn Malta kienet dik li saret fil-bidu ta’ April li għadda meta żewġt irġiel, ta’ 43 sena u 33 sena, kienu arrestati mill-Pulizija Taljana fil-Port ta’ Pozzallo.
Anki f’dak il-każ partikulari dawn iż-żewġt irġiel kienu fi triqithom bid-droga lejn il-Port il-Kbir f’Malta, iżda kienu interċettati fil-ħin grazzi għall-movimenti li qanqlu s-suspett tal-Pulizija Taljana. B’kollox dakinhar dawn iż-żewġt irġiel kienu qed iġorru mat-3.5 kilogrammi marijuana u 500 gramma ħaxixa.
Din is-sena wkoll, fi Frar li għadda, aktar minn kilo marijuana nqabdet qabel ma kienet se tiddaħħal Malta bil-katamaran minn Sqallija. Il-Pulizija Taljana ssuspettat li kien hemm xi ħaġa stramba hekk kif kien hemm riħa qawwija ta’ tewm u bżar aħmar ġejja minn bagalja li kienet fil-pussess ta’ raġel ta’ karnaġġjon skur.
Fil-fatt mill-istħarriġ preliminari tal-Pulizija kien irriżulta li s-suspettat, Simon Moses mill-Ghana, ipprova jaħbi r-riħa tad-droga permezz ta’ ħwawar bi rwejjaħ qawwija biex il-klieb tal-Pulizija ma jkunux jistgħu jxommu d-droga.
Dakinhar meta l-Pulizija kienu talbuh għad-dokumenti, ir-raġel deher nervuż ħafna. Hu ammetta li d-droga kien se jdaħħalha Malta u kien hemm xi ħadd li kien qed jistennieha. Simon Moses kien arrestat mill-Pulizija Taljana eżatt qabel rikeb il-katamaran lejn Malta.
L-aħħar każ seħħ bħall-bieraħ ġimgħa b’sejba sostanzjali ta’ droga f’San Pawl il-Baħar. Antonio Tuzzo ta’ 44 sena minn Lentini, Sqallija, aktar kmieni din il-ġimgħa tressaq il-Qorti akkużat bil-pussess u t-traffikar tad-droga maqbuda li l-valur tagħha fis-suq lokali jammonta għall-għexieren tal-eluf tal-ewro. Id-droga kienet maqsuma f’reżina tal-kannabis, pjanti tal-kannabis u ammont konsiderevoli ta’ kokaina. Kollox jindika li l-kwalità tagħha hi ferm għolja. Miegħu kienu arrestati wkoll Sqalli ieħor u tliet persuni Olandiżi.
//= $special ?>