Lokali

FILMAT: Triq f’Birkirkara tinqala’ darbtejn minħabba żball fl-ippjanar

Residenti ta’ Birkirkara jinsabu urtati bix-xoghol fi triq ta’ Transport Malta

Xogħol li sar fit-triq f’Birkirkara – kellu jerġa’ jinqala kollu wara biss ftit jiem, dan hekk kif sar magħruf li l-kuntrattur ma mexiex skont il-pjanti.

Ix-xogħol ta’ asfaltar kellu jsir fi Triq Bontadini f’Birkirkara – t-triq li tinsab quddiem l-iskola sekondarja tal-Imrieħel u l-kumpless sportiv tal-Infetti.

Ir-residenti taż-żona jinsabu urtati bis-sitwazzjoni u kif ukoll bin-nuqqas ta’ ippjanar li sar minn naħa tal-awtorita’ tal-Gvern, Transport Malta. Ix-xogħol li kien hemm bżonn isir minn Transport Malta inkluda li jinqala l-asfaltar tat-triq li kien hemm qabel, jibidel l-katusi u l-wires tad-dawl kollha – filwaqt li jissaħħew l-pedamenti tat-triq u jerġa’ jsir l-asfaltar ġdid.

Residenti fiż-żona tkellmu ma’ Net News u qalu li jinsabu urtati bis-sitwazzjoni preżenti – hekk kif saru jafu li l-ħaddiema kienu qegħdin jaqalgħu l-pedamenti tal-konkrit li kienu saru. Nies li tkellmu ma’ Net News qalu li r-residenti mhux qed isibu min jieħu responsabbilta’ għal dan l-iżball li sar fix-xogħol.

Skont kelliem għal Transport Malta, ix-xogħol f’din it-triq hu pjanat li jitlesta fi żmien meta jerġgħu jibdew l-iskejjel wara l-vaganzi tas-sajf. Tenna wkoll li minkejja l-iżball li sar, ix-xogħol xorta waħda se jsir fil-ħin.