Elezzjoni Kap PN Lokali

Ħadd m’hu akbar mill-Partit: ilwien differenti imma bandiera waħda – Alex Perici Calascione

Il-membri tal-Partit Nazzjonalista mhux kollha l-istess. Huma differenti. U dik hi s-saħħa tal-Partit Nazzjonalista. Li għandu nies b’ideat differenti imma kollha magħqudin jagħmlu partit wieħed, partit rebbieħ.

Dan kien il-messaġġ li għadda l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione lill-membri tal-Kunsill Ġenerali u t-tesserati, ftit jiem qabel l-ewwel elezzjoni fil-Kunsill Ġenerali nhar is-Sibt li ġej.

Alex Perici Calascione qal li ħadd m’hu akbar mill-Partit, u spjega kif kull darba li talbu l-Partit, hu dejjem kien hemm. Kien meta kien, dejjem b’serva’ b’lealtà. Alex Perici Calascione qal li biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun rebbieħ, irid ikun partit magħqud. Bl-għaqda biss nirbħu, sostna Alex Perici Calascione.

Hawnhekk, hu fakkar fl-editorjal ta’ The Sunday Times li qal li l-aħjar kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap hu Alex Perici Calascione, li matul din il-kampanja elettorali, kiber ferm fl-istatura tiegħu. Alex Perici Calascione jista’ jqum għall-okkażżjoni, qal l-editur tas-Sunday Times.

Alex Perici Calascione kompla jispjega kif kull darba li l-Partit Nazzjonalista kien magħqud, rebaħ. U miegħu rebħu l-ħaddiema, min iħaddem, iż-żgħażagħ u l-anzjani. Irridu npoġġu n-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna, u dan nistgħu nagħmluh biss jekk inkunu iffukati fuq policies ġodda li minnhom igawdu n-nies. M’għandniex ħin x’naħlu. Fis-17 ta’ Settembru rridu naħdmu flimkien biex il-Partit Nazzjonalista nerġgħu nagħmluh partit rebbieħ, temm jgħid Alex Perici Calascione.