Ewropa Internazzjonali

Ikomplu n-negozjati tal-Brexit

Ir-Rappreżentanti tar-Renju Unit insistew għal ‘flessibbiltà u immaġinazzjoni’ meta t-Tnejn komplew it-taħditiet dwar il-Brexit fi Brussell. Dan meta s-Segretarju Britanniku għall-Brexit, David Davis u n-negozjatur ewlieni tal-UE, Michel Barnier, iltaqgħu fil-kapitali Belġjana biex jiftħu formalment in-negozjati.
Filwaqt li l-Britanniċi impenjaw ruħhom għal taħditiet aktar miftuħa u li jinvolvu wkoll il-kummerċ, ir-Rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea jridu progress dwar l-issues konnessi mad-drittijiet taċ-ċittadin u l-fruntiera tal-Irlanda qabel in-negozjati jistgħu jinkludu aktar tragwardi. Qed tkun trattata wkoll il-kwistjoni tal-‘ispiża tad-divorzju’ – f’dan is-sens, l-ispiża dovuta mir-Renju Unit biex ma tifformax aktar parti mill-Unjoni.
Sadattant, in-naħat interessati, ma dehrux konvinti minn ‘prospett reali ta’ żvilupp’ f’dan it-tielet round ta’ taħditiet dwar il-Brexit.
Qabel it-taħditiet, l-Unjoni Ewropea kienet ikkritikat lir-Renju Unit dwar l-atteġġjament tiegħu fil-kwistjoni tal-fruntiera mal-Irlanda. Min-naħa tagħha, Londra qed tgħid li r-Rappreżentanti tal-UE ‘qegħdin jesaġeraw bil-kbir bid-domandi finanzjarji tagħhom’ rigward is-separazzjoni.

Tags