F’laqgħa li saret illejla, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta t-talba tal-Kunsillier Charlot Cassar u ddeċieda li l-kontroversja li nqalgħet fir-rigward ta’ Dr Adrian Delia hija ta’ natura serja fil-kuntest ta’ elezzjoni għall-ogħla kariga fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Kunsill Amministrattiv għalhekk iddeċieda li jirreferi din il-materja lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġieba Xierqa u Etika mwaqqaf skont dak li jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt l-istess laqgħa Dr Louis Galea ġie maħtur bħala Chairman filwaqt li Dr Joseph Cassar (eks President tal-Kunsill Amministrattiv), il-Prof. Maryanne Lauri u s-Sur Franz Wirth ġew maħtura bħala membri tal-Kumitat. Il-President tal-Kunsill Amministrattiv Dr Karol Aquilina huwa membru eks officio tal-Kumitat.
Il-Kumitat ġie mogħti żmien jumejn biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill Amministrattiv wara li jkun sema’ lil dawk il-persuni li l-istess Kumitat jkun jidhirlu xierqa fiċ-ċirkostanzi, b’mod partikolari iżda mhux biss, lil Dr Adrian Delia.
//= $special ?>