Illejla qed jitlaqqa’ b’urġenza l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li nhar is-Sibt il-President tal-Kunsill Amministrattiv Karol Aquilina tal-Partit Nazzjonalista rċieva talba biex l-Kunsill Amministrattiv jikkunsidra l-kontroversja li nqalgħet dwar Dr Adrian Delia, wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u jieħu l-passi li jidhirlu xierqa u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.
Il-Kunsill Amminstrattiv hu magħmul mill-uffiċjali u presidenti tal-fergħat tal-Partit Nazzjonalista.
Din it-talba saret mill-Kunsillier Charlot Cassar u fiha spjega li huwa jħoss li t-tesserati u l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għandhom id-dritt li jkunu jafu l-fatti dwar l-erba’ kandidati qabel jagħmlu l-għażla tagħhom dwar min minnhom għandu jmexxi l-Partit fis-snin li ġejjin. Is-Sur Cassar spjega wkoll li huwa jemmen li kull kandidat li dwaru ssir kwalunkwe allegazzjoni għandu d-dritt li jiddefendi ruħu kif ukoll l-obbligu li jagħti rendikont ta’ għemilu lil min qed jitolbu jagħtih il-fiduċja biex ikun fl-ogħla kariga fil-Partit.
Għalhekk illejla se ssir din il-laqgħa urġenti tal-Kunsill Amministrattiv filgħaxija fid-Dar Ċentrali tal-Pieta’ biex jiġi diskuss u deċiż x’passi għandhom jittieħdu skont dak li jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>