Elezzjoni Kap PN Lokali

M’iniex lest inpaxxi lil Joseph Muscat u sħabu – Chris Said

Dak li hu ħażin ma jsirx tajjeb għax il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni. Muscat u sħabu jridu li l-iskandli kbar tal-Panama u l-kumpanija Egrant jintesew għax hekk jaqblilhom. Aħna nistgħu ngħinuhom jagħmlu dan billi nċedu għall-pressjoni, nagħlqu għajnejna quddiem is-sewwa magħruf, u nsiru fotokopja tal-Labour. Il-mument li nagħmlu hekk, l-għan ta’ Muscat, Cardona, Schembri u Mizzi jkun intlaħaq u l-Partit Nazzjonalista jista’ jħejji ruħu għal żmien twil fl-Oppożizzjoni. Għax jekk in-nies iridu l-korruzzjoni u n-nuqqas tat-tmexxija nadifa – li mhux il-każ, allura jagħżlu l-oriġinal, il-Labour ta’ Muscat u mhux il-fotokopja tiegħu.

Bija bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista m’hemmx kompromessi mal-ħażin. Ma Muscat, Chris Cardona u sħabhom jien ma niekolx kirxa. Lanqas se nagħlaq għajnejja quddiem it-tmexxija ħażina tagħhom biex inserrħilhom rashom li jistgħu jibqgħu jiffangaw u jagħmlu li jridu. Il-kirxa niekolha ma’ min hu ġenwin u tal-affari tiegħu. Dak li hu ħażin ma jsirx tajjeb.

Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’messaġġ lill-Kunsilliera tal-Kunsill Generali t-Tnejn filgħodu.

Jien minhix lest narmi dak li tant stinka għalih Simon Busuttil fil-ħames snin li għaddew. Il-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni kienet ġlieda ġusta u jien mhux se narmiha għax inċedi għall-pressjoni ta’ min jaħseb li biex tirbaħ il-Labour trid issir korrott bħalu, qal Chris Said.

Dan ma jnaqqas xejn mill-bidliet, uħud mill-qiegħ, li hemm bżonn isiru fil-PN. Bidla kbira li trid issir hi li l-Partit Nazzjonalista jifhem li, mill-gvern, ma jistax jagħmel il-ħajja tan-nies diffiċli.

Mhux aċċettabbli li biex tiftaħ tieqa ġo karma d-dar tgħaddi minn kalvarju sħiħ. Mhux aċċettabbli li biex tkabbar in-negozju tiegħek trid tħabbat wiċċek ma’ burokrazija tal-biża’. Mhux aċċettabbli li meta tmur biex tkellem Ministru trid tagħmel xhur tistenna għal appuntament. Mingħajr ma nikser ebda liġi, jien irrid li mal-Partit Nazzjonalista fil-gvern tasal. Irid ikun gvern li jaqdik, mhux gvern li jagħmillek ħajtek diffiċli, sostna l-kandidat għal Kap tal-PN Chris Said.

Flimkien naslu. Dan iż-żmien diffiċli jgħaddi. Iżda jekk inċedu għall-pressjoni u nippruvaw insiru fotokopja tal-Labour inkunu qed inpaxxu lil Muscat, Chris Cardona u sħabhom. U nkunu qed niddestinaw lill-Partit Nazzjonalista għal żmien twil fl-oppożizzjoni. Jien minix lest li nagħmel hekk, temm jgħid Chris Said.