Wara l-akkwist ta’ Neymar, Paris Saint-Germain komplew jiddominaw is-suq tat-trasferimenti hekk kif laħqu ftehim ma’ Monaco għal Kylian Mbappe. Il-Franċiżi se jkunu qed jakkwistaw lill-attakkant b’self għal sena, b’obbligazzjoni li jixtru l-plejer is-sajf li ġej għal somma ta’ €180 miljun.
Il-ftehim għadu jrid jiġi ffirmat mill-plejer ta’ 18-il sena u jidher li l-ebda plejer mhu se jkun involut fit-trasferiment. PSG se jkunu qed jiffirmaw il-ftehim wara li jkunu ssodisfaw il-kriterji tal-Financial Fair Play tal-UEFA.
Mbappe kien suġġett ta’ interess fosthom Real Madrid, Barcelona, Manchester City, Liverpool u Arsenal. Monaco qalu xahar ilu li mhux se jħallu aktar plejers jitilqu liċ-champions tal-Ligue 1 wara t-tluq ta’ diversi plejers u interess għal plejers oħra bħal Thomas Lemar, Djibril Sidibe u Fabinho. Huma kienu ċaħdu wkoll li kienu rċevew somma rekord dak iż-żmien ta’ €174 miljun mingħand Real Madrid.
Mbappe skorja 26 gowl u tmien assists is-sena l-oħra, b’Monaco jirbħu l-Ligue 1 filwaqt li waslu mal-aħħar erbgħa fiċ-Champions League.
//= $special ?>