Internazzjonali

RITRATTI: L-għargħar f’Texas

Il-maltemp tropikali bl-isem Harvey kien mistenni jirriżulta f’aktar xita qawwija fuq Houston, fl-Istat ta’ Texas, fost inkwiet dwar ‘stat ta’ paraliżi assolut’ f’din il-belt ewlenija li diġà sofriet l-effetti ta’ għargħar kbir.
Eluf ta’ nies kienu kostretti li jaħarbu minn dik il-belt – ir-raba’ l-akbar tal-Istati Uniti — fejn ix-xmajjar, illum, telgħu sa livelli li ilhom ma jidhru għal sekli.
Il-fenomenu ‘Harvey’ żbroffa, nhar il-Ġimgħa, bħala l-aktar uragan qawwi li laqat f’Texas għal aktar minn 50 sena u fejn mietu żewġ persuni b’konsegwenza.
Dan meta fi ftit anqas minn ġimgħa, niżlet l-ekwivalenti ta’ sena xita f’ċerti nħawi ta’ Texas.
L-awtoritajiet fi Houston – fejn qed jgħixu xi 2.3 miljun resident – ħarġu direttivi biex ma jiftħux l-iskejjel, l-ajruporti u l-bini tal-uffiċini.
Anki z-zoni li jinsabu ’il fuq minn 240 kilometru ’il bogħod intlaqtu minn ħalbiet tax-xita ġodda, bir-riżultat li x-xmajjar faqgħu l-art fost ‘ħajt kbir ta’ ilma’ li kien qed javvanza lejn l-inħawi ta’ Houston.