Il-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan Gian Piero Ventura jemmen li s-suq tat-trasferimenti għandu jagħlaq qabel il-bidu tal-kampjonat. Ventura qal li l-inċertezza dwar is-sitwazzjoni ta’ numru ta’ plejers, għamilha diffiċli għalih li jagħżel l-iskwadra għal partita tas-Sibt li ġej kontra Spanja.
“Hemm plejers f’nofs negozjati li għadhom ma lagħbux, jew oħrajn li bidlu t-timijiet u lagħbu ftit minuti, u finalment it-tim nazzjonali jħallas il-prezz. Ikun aħjar kieku l-plejers li nagħżel jilagħbu l-ħin kollu, imma ma hemm xejn li nistgħu nagħmlu,” qal Ventura.
Hu qal li kienet kontradizzjoni li s-suq tat-trasferimenti madwar l-Ewropa jintemm fi tmiem Awwissu meta l-kampjonat ikun ilu ġimagħtejn jew tlieta li beda.
“Is-suq tat-trasferimenti għandu jagħlaq 24 siegħa qabel il-bidu tal-kampjonat. Ħafna nies saqsewni meta sejjaħt lil Leonardo Spinazzola, imma jekk nitkellmu fuqu matul is-sena hu importanti. Saqsewni wkoll fuq Federico Bernardeschi li lagħab ftit, u l-istess dwar Lorenzo Pellegrini u Andrea Barzagli. Dan hu riżultat tas-suq li għadu miftuħ, li jfisser li jkollok tgħaddi minn dawn is-sitwazzjonijiet,” kompla l-kowċ nazzjonali Taljan.
Spinazzola għadu ma lagħbx ma’ Atalanta dan l-istaġun filwaqt li Bernardeschi lagħab biss 18-il minuta għal Juventus minn meta ngħaqad ma’ Fiorentina. Id-difensur Barzagli lagħab 16-il minuta wara li daħal bħala sostitut għal Juventus kontra Genoa filwaqt li Pellegrini daħal ftit minuti bħala sostitut.
Spanja u l-Italja jinsabu t-tnejn b’16-il punt fil-quċċata ta’ Grupp G minkejja li Spanja għandhom differenza aħjar ta’ gowls. Ir-rebbieħ tal-grupp biss jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja s-sena d-dieħla filwaqt li l-aqwa tmien timijiet minn disgħa li spiċċaw it-tieni fil-grupp jidħlu fil-play-offs.
L-Italja ilhom ma jirbħu fi Spanja mill-1949. Ventura mhux inkwetat fejn wera ottimiżmu li jekk jirbħu jkunu għamlu xi ħaġa kbira.
//= $special ?>