Internazzjonali

Franza: Inkwiet dwar tifla ta’ disa’ snin li għebet waqt tieġ

 

Kiber l-inkwiet dwar id-destin ta’ tifla ta’ disa’ snin li għebet nhar il-Ħadd meta kienet qed tattendi tieġ li kien qed isir lejn il-Lvant ta’ Franza.

It-tifla, li jisimha Maelys De Araujo, dehret l-aħħar meta hi kienet ġo kamra riservata għat-tfal għal waqt it-tieġ.

Il-Pulizija li qed twettaq it-tfittxijiet estensivi fiz-zona madwar is-sala tat-tiġijiet għad ma sabet l-ebda traċċi tat-tifla. Dan minkejja l-fatt li ħelikopter u numru ta’ klieb imħarrġa kienu qegħdin jintużaw fit-tfittxija.

L-awtoritajiet, issa, qed jinvestigaw każ ta’ ħtif potenzjali, bil-Pulizija tappella għal għajnuna mill-pubbliku waqt li għaddejja bl-investigazzjoni. Il-Pulizija diġà intervistat lill-180 persuna li kienu preżenti għat-tieġ fis-sala li tinsab f’Pont-de-Beuvoisin, fiz-zona ta’ Isere. L-interrogazzjoni, issa, qed iddur fuq il-ħbieb u qraba tat-tifla, kif ukoll fuq il-membri ta’ familtha li ma attendewx għat-tieġ.

Maelys kienet marret għat-tieġ flimkien ma’ ommha, missierha u oħtha l-kbira. Din il-familja hi residenti fl-inħawi ta’ Jura.

L-aħħar indikazzjonijiet dwar il-każ huma li ‘it-tifla ma ħarbitx mis-sala volontarjament’, bil-pulizija u l-membri tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien ifittxu għaliha wkoll qalb il-foresta viċin is-sala għar-riċevimenti li ntużat għat-tieġ.

Dan meta l-awtoritajiet ma kienu qed jeskludu ‘l-ebda potenzjal kriminali jew aċċidentali’ fiċ-ċirkustanzi.