“Inħoss li hu d-dmir tiegħi li nwieġeb kwalunkwe mistoqsija li ssirli, anke jekk l-intenzjoni jew il-kontenut tagħha tkun waħda malinna jew falza. Hu għalhekk li aċċettajt mingħajr biża li nidher quddiem kumitat maħluq mill-kunsill Amministrattiv tal-partit li fl-aħħar jiem tal-kampanja qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt qed jistudja l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħi.” Isostni dan, Adrian Delia, Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN.
Hu qal li hu frustranti li minflok jitkellem dwar l-affarijiet li huma tabilħaqq importanti qed ikollu jwieġeb għal dawn il-kalunji.
Delia kompla li l-Partit Nazzjonalista, minkejja li sab ruħu f’diffikultajiet, qatt ma tilef jew għamel kompromessi mal-missjoni ewlenija tiegħu: dik li jkun ta’ servizz altruwistiku għall-komunità tagħna, li jkun leali lejn il-verità, li jiġġieled għall-ġustizzja u l-ugwaljanza. “Dawn huma l-prinċipji li lili dejjem żammewni ankrat fil-Partit Nazzjonalista,” qal Adrian Delia
Imma li jkollok il-valuri f’posthom mhux biżżejjed. Partit rebbieħ għandu jantiċipa l-isfidi tal-pajjiż u jsawwar viżjoni li timmobbilizza nazzjon u tikteb l-istorja.
“Il-missjoni tiegħi hija li nerġa’ nagħti l-enerġija lill-Partit Nazzjonalista: nittrasforma mill-ġdid il-magna tal-partit mis-sitwazzjoni potenzjalment imwiegħra f’waħda b’saħħitha ta’ ideat u viżjoni,” temm jgħid Adrian Delia
//= $special ?>