Lokali

Il-Ġimgħa jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa … imma l-Kumitat ORNIS għadu ma twaqqafx

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jintalab jieħu azzjoni hekk kif il-Kumitat ORNIS għadu ma ġiex appuntat wara l-elezzjoni ġenerali, u ma saret l-ebda laqgħa bi tħejjija għall-istaġun u biex jitfassal pjan ta’ infurzar kif isir is-soltu.

Dan minkejja li l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa se jiftaħ  il-Ġimgħa, għal kważi nofs sena, b’kaċċa permessa fuq 40 speċi.

Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta ppreżentat ittra miftuħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn jitfakkar li l-Gvern għandu obbligu li jħares il-bijodiversità ta’ pajjiżna, b’liġijiet effettivi u li l-Korp tal-Pulizija jkollu verament ir-rieda li jinforza bis-sħiħ.

Fost il-każi ta’ illegalitajiet li seħħew fl-aħħar jiem, kaċċatur ġie osservat jispara f’żona protetta qrib ir-Riserva Naturali tal-Għadira, waqt li Bagħdan Aħmar, tajra tal-priża protetta, intlaqat fl-inħawi tal-Buskett.

Fil-31 ta’ Lulju ġiet irkuprata kuċċarda li nstabulha xejn inqas minn 10 ċombiet f’partijiet ta’ ġisimha, waqt li fl-istess ġimgħa nġabar ferħ ta’ astun iswed li spiċċa fil-baħar wara li wkoll intlaqat minn tiri.

Dan qed iqajjem biża li n-nuqqas ta’ infurzar, li skont BirdLife fl-aħħar snin illaxka sew, b’nuqqas ta’ preżenza tal-Pulizija fil-kampanja, se jwasslu għal żieda ikbar fl-illegalitajiet.

Sadattant fi stqarrija li ħarġet biss ftit minuti wara l-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Bird Life, il-Gvern ma għamel l-ebda riferenza għall-Kumitat ORNIS.

Dan il-Kumitat hu ffurmat minn membri ta’ BirdLife Malta, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi u l-Wild Birds Regulation Unit. Uffiċjali tal-Pulizija jintalbu jattendu għal-laqgħat minn żmien għal żmien biex jgħinu f’kwistjonijiet ta’ infurzar.

L-istaġun tal-ħarifa jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Jannar 2018 b’10,000 kaċċatur li jistgħu joħorġu għall-kaċċa.