Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-militanti Iżlamiċi se tingħata priorità fil-politika barranija tiegħu.
Waqt li indirizza għexieren ta’ ambaxxaturi Franċiżi, Macron qal li l-impenn ‘biex jegħlbu lill-ISIS fl-Iraq u s-Sirja’ irid jimxi id f’id mal-miżuri anti-terroristiċi fl-Afrika.
Hu qal li s-sigurtà taċ-ċittadini Franċiżi għandha tifforma l-bażi tad-diplomazija ta’ pajjiżu, meta l-attakki terroristiċi mmexxija mill-ISIS fi Franza qatlu ‘il fuq minn 230 persuna mill-ewwel xhur tal-2015.
Macron qal li jeħtieġu tranżizzjoni inklussiva fis-Sirja, waqt li tenna li Franza u l-alleati tagħha jridu jinvestu fir-rikostruzzjoni tal-Iraq u s-Sirja ‘biex jirbħu l-paċi fiż-żewġ pajjiżi’.
Il-President Franċiż tkellem ukoll dwar ‘riżultati speċifiċi mar-Russja’ bil-għan li ma jkomplix l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja – iżda hu, imbagħad, naqas milli jelabora dwar it-tema.
//= $special ?>

