Lokali

Infermiera mhedda, mgħajjra u offiża minn grupp ta’ rġiel fis-sakra fil-Marsa

Infermiera li kienet fuq xogħol f’ambulanza, tassisti lil żewġ persuni li kienu nvoluti f’inċident bir-rota fil-Marsa, sfat attakkata verbalment u mhedda.

Il-każ seħħ it-Tnejn li għadda, meta seħħ inċident bejn Taljan li kien qed isuq ir-rota u tifla Afrikana. Meta dawn bdew jingħataw l-assistenza medika fil-post, grupp ta’ Afrikani, ħafna minnhom fis-sakra, telgħu fuq l-ambulanza.

Kien hawn li bdew jheddu, jgħajjru u jużaw kliem abbużiv fil-konfront tal-infermiera mara, u kienu wkoll ta’ theddida għall-pazjent Taljan li kien qed jiġi rikoverat fl-ambulanza stess.

Fid-dawl ta’ dan l-inċident, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, fi stqarrija talbet għall-intervent tal-Ministru tal-Intern għall-protezzjoni tal-infermiera li jkunu qed jaqdu d-doveri tagħhom fuq xogħol barra mill-isptar jew miċ-ċentri tas-saħħa permezz tal-ambulanzi.

Dan anke fid-dawl li l-uffiċjali tal-Pulizija, li kienu avżati malli seħħ l-inċident, ma kinux preżenti hekk kif l-ambulanza waslet fil-post tal-inċident.

Minkejja li mill-ġdid intalbet l-assistenza tal-Pulizija mill-post, inkluż mill-infermiera stess, dawn waslu biss 40 minuta wara li saret it-talba.

Fi stqarrija, iffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea, jingħad li dan kien każ li xxokkja lill-infermiera kollha li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

L-MUMN iddikjarat li ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn l-infermiera jiġu abbużati waqt il-qadi ta’ dmijijiethom, b’każi simili li qed iseħħu regolarment f’Paceville.

Hawn, infermiera li jintalbu joffru l-assistenza tagħhom qed ikunu maltrattati fl-ambjent li jkun hemm f’dan il-post tad-divertiment matul il-lejl, mingħajr ma jingħataw l-ebda protezzjoni mill-Pulizija.