Raġel ta’ 39 sena residenti Birżebbuġa nżamm arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ lista twila ta’ drogi differenti, minbarra akkużi ta’ pussess ta’ materjal pornografiku ta’ minuri, avvanzi sesswali fil-konfront ta’ minuri kif ukoll ħasil ta’ flus.
L-arrest seħħ wara rapport li wasal lill-Pulizija dwar pakkett suspettuż li aktarx kien jinkludi sustanzi lleċiti u li kien wasal fl-uffiċċju tal-posta ta’ Birżebbuġa indirizzat lil Keith Desmond Falzon.
Hu ġie segwit mill-Pulizija fejn instabet droga fil-karozza tiegħu, kif ukoll dak li qed ikun deskritt bħala imperu ta’ droga differenti fil-garaxx fejn jgħixu ritratti pornografiċi tat-tfal fil-kompjuter tad-dar tiegħu.
Il-Pulizija kien ilhom isegwuh minħabba suspett li kien qed jittraffika d-droga. Filfatt fil-karozza nstabu erba’ kilogrammi reżina tal-kannabis, kilo u nofs ħaxixa, waqt li mill-garaxx ġiet sekwestrata droga ta’ kull tip, inkluż amfetamina, LSD, kokaina, viagra u valium.
Dan minbarra trab tal-magic mushroom, li hi droga skedata u meqjusa perikoluża kif ukoll €82,000 fi flus kontanti.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Falzon tressaq bi 38 akkuża fosthom li kkorrompa u kellu x’jaqsam ma’ tfal taħt l-eta’. Filfatt mal-arrest hu kien akkumpanjat minn tifel ta’ seba’ snin kif ukoll ieħor ta’ 11-il sena li stqarrew li kien jieħu lilhom u lil erba’ oħra sal-baħar jew saħansitra jraqqadhom għandu.
Ammettew ukoll li kien hemm każi fejn Falzon għamel avvanzi sesswali fil-konfront tagħhom. L-Ispettur Joseph Busuttil, mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, qal li l-materjal pornografiku fil-pussess ta’ Keith qed jiġi investigat.
Filwaqt li ddikjara li mhux ħati, ma saritx talba għal-libertà proviżorja, bil-Maġistrat Joe Mifsud jordna biex l-assi kollha ta’ Keith Desmond Falzon jiġu ffriżati.
Falzon hu riċediv. Fl-2012 weħel sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin, wara li nstab ħati li meta kien nursing aid, akkwista dettalji tat-tfal mill-Isptar San Luqa u għamel użu personali abbużiv minnhom.
Wara li akkwista d-dettalji personali, akkwista wkoll ritratti tagħhom u bena kollezzjoni, mar jarahom jilagħbu l-futbol u stieden uħud minnhom għandu fejn, skont wieħed mit-tfal, saħansitra kien messu f’partijiet minn ġismu.
Tliet snin wara, l-istess persuna weħel tliet snin u nofs ħabs u kien ordnat joqgħod għal tliet snin ta’ trattament wara li attakka u gidem uffiċjal tal-Pulizija.
Dan wara li kien inqabad mill-istess uffiċjal fil-pussess ta’ madwar 200 ritratt indiċenti tat-tfal.
Hu jinsab ukoll fuq libertà proviżorja f’każ ieħor separat, fejn qed jappella wara li nstab ħati li kkorrompa minuri.
//= $special ?>