Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, ikkritika mill-ġdid lill-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, dwar il-mod kif il-Gvern Britanniku qed jitratta l-proċess tal-Brexit.
Ir-Renju Unit qed iħejji biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara r-referendum tal-2016 u Juncker sostna li d-dokumenti li jfasslu l-pożizzjonijiet tal-Gvern Britanniku mhumiex sodisfaċenti. Hu qal li jidher ċar li ammont kbir ta’ issues iridu jkunu riżolti qabel Londra u Brussell jistgħu, xi darba, jibdew jiddiskutu ftehim kummerċjali għall-futur.
L-uffiċjali tar-Renju Unit u l-UE qed ikomplu bin-negozjati fl-ewwel round tal-proċess għall-Brexit u l-kummenti ta’ Juncker jirriflettu sens ta’ frustrazzjoni għall-atteġġjament tal-Prim Ministru May u s-Segretarju Britanniku għall-Brexit, David Davis.
Dan wara li Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-UE, wera tħassib dwar in-nuqqas ta’ kjarezza u fejn insista dwar il-ħtieġa biex in-negozjati dwar il-Brexit isiru bis-serjetà.
//= $special ?>

