Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ix-xita żżid il-kriżi għar-residenti ta’ Houston

 

Il-livell tal-għargħar fil-belt ta’ Houston, f’Texas, mistenni jitla’ wara li ‘il fuq minn 30,000 persuna kienu sfurzati minn djarhom b’konsegwenza tal-Uragan Harvey, li hu fost l-agħar uragani li qatt laqat lill-Istati Uniti għal ħafna snin.

Il-ħalbiet tax-xita li niżlu fi Houston f’dawn it-tlett ijiem kienu ‘storiċi’ u hemm tbassir ta’ aktar xita li żżid il-kriżi għar-residenti.

Filwaqt li Uragan Harvey issa niżel għal livell ta’ maltemp tropikali, l-elementi tiegħu, qed jaffettwaw ukoll l-Istat ta’ Louisiana. Fil-fatt, il-belt ewlenija ta’ New Orleans – li, fl-2005, ġarrbet l-impatt katastrofiku tal-Uragan Katrina –kienet qed tħejji għall-għargħar, bl-awtoritajiet iħeġġu lir-residenti biex ma joħorġux fit-toroq.

Diversi żoni ta’ Houston, fil-preżent, qed ibatu aktar inżul ta’ xita intensiva, bir-rapporti jikkonfermaw li mietu talanqas disa’ fil-belt u l-madwar.

Ir-rapporti qalu li sitt membri tal-istess familja tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaħarbu mill-għargħar waqt li l-Pulizija qed tinkwieta dwar l-ammont tal-katavri li jistgħu jinsabu ladarba jonqos il-livell tal-ilma fi Houston, li hi r-raba’ l-akbar belt Amerikana.