In-nixfa ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, l-eta medja dejjem tikber tal-bdiewa huma fost il-fatturi li jistgħu iwasslu biex nitilfu s-sors ewlenija tal-għenba indiġena ta’ Malta, il-Ġellewża u l-Girgentina
Din it-twissija saret mill-Kap Eżekuttiv ta’ Marsovin Jeremy Cassar, waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-dwieli privati tal-Marsovin fil-limiti ta’ Marsaxlokk fejn ħabbar ir-riżultati għall-Vendimmia tal-2017.
Jeremy Cassar qal li l-ammont ta’ xita li ġiet reġistrata din is-sena hi ta’ 380mm, li hu ferm ‘il bogħod mill-media annwali ta’ 540mm. Barraminhekk, kważi 90 fil-mija tax-xita ta’ din is-sena niżlet qabel nofs Frar, fi żmien fejn id-dwieli ikunu inattivi.
Fil-fatt, il-mewġa ta’ sħana li laqtet il-Gżejjer Maltin, f’Ġunju, Lulju u b’mod partikolari, dawk l-għaxart’ijiem ta’ sħana qawwija f’Awwissu, nixxfet parti kbira mill-weraq tad-dwieli u l-għenieqed tal-għeneb ġew esposti għax-xemx diretta. B’konsegwenza ta’ dan, l-għeneb jibda jitqadded u l-iktar esposti huma l-għeneb indiġeni li bilfors irid jiġi msaqqi biss bl-ilma tax-xita.
Problema oħra li kienet imfissra mill-Kap Eżekuttiv tal-Marsovin hija li mhux qed ikunu attirati biżżejjed bdiewa żagħżagħ biex jidħlu għal dan ix-xogħol, tant li l-eta’ medja tal-bdiewa li jaħdmu d-dwieli hi ta’ madwar 55 sena.
Minkejja li hawn id-domanda għall-inbid Malti u l-prezzijiet mogħtija għall-għeneb huma kważi d-doppju ta’ dawk mogħtija fl-Italja u Spanja, li jfisser li dħul tajjeb hu kważi garantit, xorta waħda mhux qed ikun biżżejjed biex jattira bdiewa żagħżagħ biex jaħdmu l-art bid-dwieli. Jeremy Cassar qal li hemm bżonn biex il-Gvern joħloq inċentivi biex jattira iktar bdiewa.
Min-naħa tiegħu, is-settur privat qed jagħmel il-parti tiegħu. Jeremy Cassar qal li l-Marsovin qed iħallas lill- bdiewa bi prezz iktar vantaġġjuż kemm biex jimmotiva lill-bdiewa kif ukoll biex iżomm is-settur ħaj. Fil-fatt, din is-sena, il-prezz tal-għeneb żdied b’medja ta’ 6.5%
//= $special ?>